Wara 18-il sena l-Maltaco Lotteries se terġa’ tibda ġġib l-isem ta’ National Lottery.
Dan wara li l-kumpanija pubblika, li hija sussidjarja tal-IZI Group, żvelat l-immaġini korporattiva ġdida tagħha.
F’attività fil-Foss tal-Imdina, il-kumpanija ħabbret il-pjanijiet tagħha sabiex tniedi din il-lotterija nazzjonali u li, fuq kollox, tirrappreżenta tassew lill-Maltin u r-rabta tradizzjonali tagħhom mal-logħob tal-Lotterija Nazzjonali.
L-attività kienet indirizzata mill-Kap Kummerċjali tal-IZI Group, Franco De Gabriele, li ddeskriva l-proċess li wassal għall-għoti tal-konċessjoni nazzjonali biex titħaddem il-lotterija nazzjonali ta’ Malta.
Huwa tkellem dwar għaliex il-kumpanija, li tipprovdi servizz lil mijiet ta’ eluf ta’ Maltin kull ġimgħa, ħasset li għandha tagħmel dan il-proċess ta’ ristrutturar.
“Bħala l-ewwel kumpanija Maltija wara l-privatizzazzjoni tal-Lotterija Nazzjonali, aħna ridna li nerġgħu nagħtu lura anki lis-suq il-brand li verament ħaqqu. Aħna dehrilna illi l-ewwel ħaġa li ridna nagħmlu, qabel kollox, hija li nippożizzjonaw lilna nfusna bħala ‘National Lottery’.”
Il-proċess ta’ immodernizzar tal-kumpanija mhux se jkun wieħed estetiku biss iżda, fil-ġimgħat li ġejjin, mistenni jsir investiment fit-teknoloġija bil-għan li l-kumpanija tipprovdi l-prodotti tagħha b’aktar faċilità.
“Ħafna mill-prodotti se jibqgħu l-istess, però se nagħmlu tindil anki fil-prodotti biex in-nies jkunu jistgħu jilgħabu l-prodotti tagħhom iktar b’faċilità. Ħa nintroduċu prodotti kompletament ġodda u ħa ntejbu ftit mill-prodotti illi hemm ukoll.”
Waqt din l-attività intweriet produzzjoni awdjoviżiva li turi l-iżvilupp storiku tal-lotterija ta’ Malta. Il-filmat juri simbolikament it-tradizzjoni tal-Maltin fejn jidħol il-logħob tal-Lotterija Nazzjonali u l-kontribut strateġiku tal-lotterija lejn is-soċjetà tagħna.