Delegazzjoni mill-ACES Europe – assoċjazzjoni volontarja li tiġbor fiha mijiet ta’ bliet u rħula madwar is-sebgħa u għoxrin 27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea – tinsab Malta biex tara l-faċilitajiet sportivi fir-Reġjun Lvant u l-entużjażmu tal-pubbliku għall-applikazzjoni li r-Reġjun għamel biex fl-2023 ikun ir-Reġjun Ewropew tal-Isport.
L-ACES Europe torganizza numru ta’ avvenimenti Ewropej filwaqt li tiddikjara bliet, reġjuni, komunitajiet, u gżejjer bħala l-kapitali Ewropej għall-Isport.
Fil-fatt, bħalissa, il-belt kapitali Spanjola Madrid hija l-Belt Kapitali għall-Isport filwaqt li t-titlu mistenni jimxi għal Ġenova, fl-Italja, is-sena d-dieħla.
Meta r-Reġjun Lvant issottometta l-applikazzjoni tiegħu fix-xhur li għaddew, esprima l-interess li matul is-sena d-dieħla jospita dan il-logħob ta’ dimensjoni Ewropea.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ACES Europe, Hugo Alonso, enfasizza tliet punti, fosthom il-ħidma li saret minn dan ir-Reġjun u l-investiment li qed isir f’faċilitajiet sportivi.
Qal, “These three points – first in Malta – the will to achieve and the investment are fantastic and the three main points. Then, you have sport and tourism, which is really nice for us.”
Il-President tar-Reġjun Lvant, Anthony Chircop, spjega kif jekk dan it-titlu jingħata lir-Reġjun, l-assoċjazzjonijiet fi ħdanu se jospitaw logħob fuq dimensjoni Ewropea.
Barra minn hekk, dan it-tip ta’ avvenimenti se jiġġeneraw ukoll dħul fl-ekonomija Maltija.
Qal, “B’dan l-iskop mhux biss jitjieb il-livell tal-isport imma anki jiġġenera ċertu dħul għall-pajjiż għaliex dawn jiġu hawn u eventwalment ikunu qegħdin jonfqu l-flus f’akkomodazzjoni, eċċetra.”
Dan mhux se jkun l-uniku avveniment sportiv internazzjonali li mistenni jiġi f’pajjiżna minħabba li, matul is-sena 2023, pajjiżna se jospita wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u l-Kampjonat tal-UEFA ta’ taħt id-19-il sena.
Fil-fatt, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima, qal li dawn l-inizjattivi jmorru id f’id mal-aspetti msemmija fl-istrateġija nazzjonali għall-isport li kien nieda l-Gvern Malti fl-2019.
Qal, “Għandek l-edukazzjoni imma għandek ukoll dak li huwa l-aspett ekonomiku u dak li huwa turiżmu sportiv. Allura huwa mportanti li naħdmu f’sinerġija bejn diversi ministeri u proprju nkunu ta’ appoġġ, f’dan il-każ għar-reġjun partikolari ġewwa pajjiżna.”