Andrè Galea ta’ 36 sena, li ż-żewġt iklieb tiegħu qatlu lil nanntu Inez Galea f’darha fl-Imsida f’Settembru tal-2020, kien diġà qed jiġi investigat fuq żamma ta’ klieb sentejn qabel l-inċident.
Dan ħareġ minn sentenza tal-Qorti, li fiha Galea ma nstabx ħati li ħaqar klieb minħabba li żammhom f’kundizzjonijiet ħażina fid-dar ta’ missieru f’Raħal Ġdid.
Mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Nadine Lia ħareġ li fis-sajf tal-2018 ħaddiema mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali għamlu diversi spezzjonjiet f’dar f’Raħal Ġdid, wara li saru rapporti mill-ġirien fuq irwejjaħ tal-klieb u drenaġġ fuq il-bankina.
L-ewwel spezzjoni li saret fit-13 ta’ Ġunju, instab kelb fox-terrier u kien innutat ftit ħmieġ. Is-sid ingħata struzzjonijiet biex inaddaf u jwaħħal tinda biex il-kelb ma jkunx fix-xemx, iżda l-ħaddiem tal-Animal Welfare qal li kienet diffiċli biex ikomplu jsegwu l-każ minħabba li ma kienx jirnexxielhom jagħmlu kuntatt ma’ Galea u ħadd ma kien jiftħilhom.
F’din il-kawża, Galea ġie lliberat minn akkużi ta’ moħqrija minħabba nuqqas ta’ ċertezza dwar jekk il-klieb kellhomx aċċess għal ġod-dar, u jekk filfatt kinux qed jitħallew fil-ħmieġ.