Din hija biss togħma żgħira tal-kunċert ‘Opera in the City – The Three Tenors’ li se jsir fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt, nhar is-Sibt 4 ta’ Ġunju. Il-kunċert se jkun bla ħlas għall-postijiet bilwieqfa.
Dan il-kunċert annwali, bis-sehem ta’ tliet tenuri Maltin ta’ fama internazzjonali – Nico Darmanin, Cliff Zammit Stevens, u Alan Sciberras – flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali huwa avveniment mistenni u li din is-sena se jkun qed isir mingħajr ir-restrizzjonijiet li konna drajna bihom għal dawn l-aħħar sentejn.
L-orkesta, li se tkun taħt id-direzzjoni tal-Maestro Michael Laus, se tkun bil-mużiċisti kollha kemm huma.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bibljoteka Nazzjonali, il-Maestro Laus qal li l-kunċert se jkollu mużika varjata, kemm klassika kif ukoll aktar movimentata, li żgur se tolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Ħadna l-kumment ta’ Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li qed torganizza dan il-kunċert.
Jason Micallef stqarr, “Għandna wkoll lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta kollha kemm hi, li se tkun qed takkumpanja lit-tliet tenuri. Se jsir fi Pjazza San Ġorġ u se ndaħħlu lin-nies kollha li tesa’ Pjazza San Ġorġ. Allura din hija differenza kbira u netta minn tas-sena l-oħra.”
Il-Ministru responsbabli mill-Kultura, Owen Bonnici, qal li dan il-kunċert se jieħu lill-udjenza għal vjaġġ mużikali li se jkompli jsaħħaħ il-kultura lokali fid-diversi forom tagħha.
Bonnici qal, “Fl-aħħar jiem rajna lin-nies jerġgħu jgħixu mill-ġdid, jieħdu pajċir jattendu attivitajiet waħda wara l-oħra, suċċess wara l-ieħor, fejn rajna t-talent Malti jferraħ u jimla b’tant pjaċir lill-familji li attendew għall-avvenimenti.