Fil-passat, id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco kien waqqaf it-tkeċċija ta’ Ivan Camilleri mit-Times of Malta. Dan sostnieh id-Direttur Maniġerjali tal-Malta Today, Saviour Balzan, f’kawża ta’ libell li fetaħ Camilleri kontra Balzan wara li dan tal-aħħar irrapporta, fost l-oħrajn, kif Camilleri kien seraq oġġetti minn supermarket fin-Naxxar.
Mario de Marco huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, li fi jdejha għandha l-maġġoranza tal-ishma tal-Allied Group, il-kumpanija responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times of Malta.
Bosta jsostnu li d-deputat Nazzjonalista għandu kontroll enormi fuq it-Times. Fost dawn hemm Robert Hornyold-Strickland, in-neputi ta’ Mabel Strickland, il-fundatriċi tat-Times. Hornyold-Strickland huwa wkoll azzjonista fl-Allied Group.
Intant, fis-smigħ tal-libell, tela’ jixhed iċ-Chairman tal-Allied Group, Paul Mercieca. Mercieca qal li, f’Diċembru tal-2019, irċieva telefonata mingħand Michel Rizzo, li dak iż-żmien kien id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Group u li sena ilu tressaq akkużat b’ħasil ta’ flus u frodi.
Rizzo talab lil Mercieca biex jiddiskutu l-allegazzjoni li Ivan Camilleri tat-Times kien informa lil Yorgen Fenech li kien se jiġi arrestat.
Fil-Qorti ntqal li grupp ristrett ta’ nies fit-Times kienu jafu li Fenech kien se jipprova jaħrab minn Malta bil-jott tiegħu, u saħansitra ntbagħat fotografu jħuf fl-inħawi ta’ Portomaso.
L-informazzjoni li ċertu wieħed Ivan qal lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kien hemm il-Pulizija qed issus warajh kienet ħarġet fil-pubbliku iżda qatt ma ħareġ il-kunjom peress li fit-Times kien hemm impjegati żewġ ġurnalisti li jisimhom Ivan.
Fil-Qorti, Paul Mercieca saħaq li huwa staqsa kemm din l-informazzjoni kienet tipponta lejn Ivan Camilleri, b’Michel Rizzo u l-editur tat-Times, Herman Grech, isostnu li kellhom informazzjoni fuq bażi soda li kienet tindika li, fil-fatt, kien Ivan Camilleri.
Mercieca sostna li dan il-każ u l-każ l-ieħor ta’ serq minn supermarket kienu r-raġunijiet li għalihom Ivan Camilleri tkeċċa mit-Times.
Minn xhieda oħra quddiem il-Qorti kien ħareġ li sid is-supermarket, bl-isem tal-Valyou, kien qal li l-oġġetti li ħa Ivan Camilleri mingħajr ma ħallas kienu jammontaw għal €12,000 u din is-sitwazzjoni ta’ affarijiet neqsin mill-ħanut kienet ilha żmien twil għaddejja.