Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ddikjara li dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, wara li tilef l-elezzjoni ġenerali tant kien importanti li jiddeskrivih bħala l-‘come to Jesus moment’.
Ivan Bartolo qal dan fi programm fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Nazzjonalista, NET TV, li matulu wissa kemm-il darba biex min ma jaqbilx mal-Kap ma jsemmax leħnu barra mid-Dar Ċentrali.
Dan għamlu minkejja li, sa ftit xhur ilu, hu stess kien protagonist meta kien jagħmel il-konferenzi tal-aħbarijiet fi sforz biex jitneħħa Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-programm meta għamel id-dikjarazzjonijiet tiegħu Ivan Bartolo, kienu qed jiġu analizzati l-gazzetti, li l-aħbarijiet ewlenin tagħhom kirnu jinkludu dawk dwar kif, taħt Bernard Grech bħala Kap, żdied bil-kbir id-dejn fil-Partit Nazzjonalista.
L-iktar messaġġ li saħaq fuqu Bartolo, kien dak li, jekk wieħed tassew iħobb lill-Partit Nazzjonalista, wieħed għandu jitkellem fi ħdan il-Partit u mhux barra minnu.
Osservaturi politiċi rrimarkaw li Ivan Bartolo kien qed jgħid lin-Nazzjonalisti biex ma jagħmlux kif kien għamel hu fi żmien meta Adrian Delia kien il-Kap tal-partit.
Skont Bartolo, lanqas min ikun imweġġa’ m’għandu jitkellem barra, jekk hu matur.