Il-Gvern permezz tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex nieda l-istrateġija sostennibli tal-għadis .
Din l-istrateġija għall-għadis ser tinkludi l-gżejjer kollha madwar pajjiżna.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif kien hemm konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
Intqal kif din l-istrateġija għandha ħames għanijiet, fost dawn hemm li jkun hemm infrastruttura essenzjali għal bugħadassa, li ttejjeb il-protezzjoni tas-siti għall-għadis. Ma’ dawn hemm ukoll li jkun hemm titjib fir-regolamenti tal-industrija tal-għadis, li jkun hemm iżjed taħriġ f’dan is-settur u li jkun diversifikazzjoni tal-prodott tal-għadis.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif din l-industrija trid tkun waħda sostennibli u għas-snin li ġejjin.
Intqal kif din l-istrateġija trid issaħħaħ il-prodott f’dan is-settur, li għaddej b’irkupru wara d-daqqa tal-pandemija.
Qal kif matul il-pandemija, l-għajnuna tal-Gvern għenet biex jibqgħu miftuħin u jżommu l-ħaddiema. Intqal kif is-sena li għaddiet, tnieda l-ewwel park marittimu fiċ-Ċirkewwa u anki ġie mgħerreq id-dgħajsa P33 fiż-Żonqor. Intqal kif dan is-sajf ser jiġi mgħerreq vapur ieħor, dak tal-Hefestus, f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif dan is-settur huwa wieħed mill-aktar b’saħħtu minħabba n-natura li joffri pajjiżna taħt il-baħar.
Intqal kif Għawdex għandha 55 sit għall-għadis, fejn fost dawn hemm id-Dwejra u ntqal kif Għawdex hija waħda mill-aqwa siti li hemm fil-Mediterran.
Intqal kif din l-istrateġija qed titħabbar fiż-żmien opportun, hekk kif pajjiżna qed jirkupra mill-pandemija.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal kif l-istrateġija tat-turiżmu għal għaxar snin, kellha tinkludi dan is-settur.
Intqal kif parti mit-turisti li jiġu f’pajjiżna huwa mħabba l-għadis. Dan hekk kif fl-2019, fis-sena qabel il-pandemija, kien hemm iżjed minn 177,000 turist li ġew f’pajjiżna minħabba l-għadds.
Gulia nnota kif fl-2010, kienu kważi 64,000 turist li ġew f’pajjiżna minħabba l-għadis.