F’temp ta’ siegħa u nofs, il-Ħadd filgħodu fi Triq Sant’ Andrija il-Pulizija ħarġu madwar 30 taħrika rigward sewqan eċċessiv, b’wieħed mis-sewwieqa nqabad isuq b’130km fis-siegħa.
Dan hekk kif kompliet is-sorveljanza fit-toroq dwar abbuż ta’ sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku f’operazzjoni konġunta li saret bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, is-sezzjoni tat-Traffiku u tal-Pulizija għall-Komunità ta’ Pembroke u Swieqi.
Fost it-taħrikiet li ngħataw, kien hemm dawk li ngħataw lil sewwieq ta’ BMW li nqabad isuq b’130 kilometru fis-siegħa, lil sewwieq ta’ Audi A4 li nqabad isuq b’120 kilometru fis-siegħa u taħrika oħra li ngħatat lis-sewwieq ta’ Toyota Corolla li nqabad isuq b’121 kilometru fis-siegħa.
Inħarġu wkoll taħrikiet lil sewwieqa oħra li nqabdu jsuqu bejn 91 kilometru fis-siegħa u 107 kilometri fis-siegħa, fl-istess żona ta’ 70 kilometru fis-siegħa.
Fl-istess triq, ingħataw ukoll kontravenzjonijiet rigward irregolaritajiet oħra, fosthom sewqan mingħajr ċintorin tas-sigurtà, vetturi li ma kellhomx numri tar-reġistrazzjoni imwaħħlin, vetturi b’tinted glass, u sewqan perikoluż.
Sas-Sibt kelliem tal-Korp tal-Pulizija spjegali l-Pulizija mis-Sezzjoni tat-traffiku ħarġeT mal-2,400 ċitazzjoni fuq seqan eċċssiv.