Missier baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li fost l-oħrajn dejjaq lill-eks sieħba tiegħu permezz ta’ telefonati anonimi.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammir, ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar b’ordni mill-Qorti, ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu minn Qrati oħra.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Eman Hayman spjegat kif ir-raġel, li m’għandux aċċess għat-tfal, kellu ordni biex ma jkellimx lill-eks sieħba tiegħu iżda dan baqa’ jdejjaqha permezz ta’ telefonati u messaġġi għax ried jara lit-tfal.
Saħansitra ntqal kif darba minnhom ċemplilha għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu.
L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi, iżda l-Avukat Difensur talbet sabiex qabel tinqata’ s-sentenza jkun hemm pre-sentencing report.
Hija talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest, talba li sabet l-oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni. Dan hekk kif ġie sostnut li r-raġel huwa riċediv.
Il-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien hekk kif spjegat li m’għandix serħan tal-moħħ li l-imputat se jżomm mal-kundizzjonijiet li jiġu imposti fuqu.