Is-suċċess tal-produzzjoni lokali ‘Merjen’ mistenni tgawdih l-udjenza Amerikana.
Dan hekk kif dan il-film se jkun qed jiġi mxandar fuq il-pjattaforma internazzjonali, MHz Choice, li hija pjattaforma Amerikana.
Claire Magro, Fabio Mifsud, Analise Mifsud, Tania Schembri u Fiona Cauchi huma l-protagonisti ta’ din il-produzzjoni li huwa adattament kontemporanju bbażat fuq qtil vizzjuż li seħħ 100 sena ilu fil-kapitali ta’ Malta, il-Belt Valletta.
Wieħed mil-imħuħ wara din il-produzzjoni, spjega li Merjen hija storja relatata ma’ vjolenza domestika li titwassal mill-esperjenzi ta’ tliet nisa.
“Hija storja dwar relazzjoni tossika bejn tfajla u ġuvni li jkunu ħbieb fi tfulijthom. Huma jikbru, jinħabbu ħafna u mbagħad jibdew jiġru ċerti affarijiet li jagħmlu r-relazzjoni tassew kerha.”
Carlos Debattista, Produttur ta’ Merjen
Il-proġett, immexxi minn Abigail Mallia, huwa appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti u huwa bbażat fuq id-dramm rebbieħ tal-Premju Francis Ebejer.
Din il-produzzjoni, li hija magħmula minn tliet episodji u li xxandret għall-ewwel darba fuq dan l-istazzjon, qed tintwera fiċ-ċinema lokali ta’ pajjiżna.
Debattista spjega li din il-produzzjoni ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-pjattaforma Amerikana fejn faħħruha għall-mod ta’ kif ġiet irrakkontata l-istorja.
“Dak li jolqothom huwa kemm hi awtentika, kemm għandu production value tajjeb. Hemm din il-ħaġa li meta l-barranin jiltaqgħu mal-karattru tagħna, il-lingwa tagħna, is-sitwazzjonijiet tagħna hija integrali ħafna għax jgħidulna li inthom xinthom eżatt, Ewropew, Southern Europe. Imma dik il-lingwa hija bħall-Għarbi. Joħroġ ħafna l-karattru tal-Malti xinhu. “
Carlos Debattista, Produttur ta’ Merjen