Il-kaptan tal-bastiment merkantili MV Alice, Mario Cardona, ġie mmultat €600 – li €200 minnhom iridu jitħallsu immedjatament lid-Direttur Ġenerali tad-Dwana – talli ssottometta dikjarazzjoni falza wara li uffiċjali tad-dwana skoprew kaxex li kien fihom ’il fuq minn tliet miljun sigarett, allegatament tal-kutrabandu. Il-Qorti, iżda, illiberatu minn akkużi aktar serji wara li qatgħetha li, kaġun ta’ nuqqas amministrattiv, ma kienx ġie ppruvat quddiemha li l-oġġetti mabuda kienu, fil-fatt, sigaretti.
Il-Kaptan Cardona kien mixli b’tentattiv ta’ evażjoni tad-dazju u tat-taxxa u li konxjament irċieva jew ġarr is-sigartetti bil-kutrabandu. Kien akkużat ukoll li ħalla barra apposta dettall sostanzjali mid-dikjarazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet Maltin.
Il-każ imur lura għat-28 ta’ Ġunju tal-2014, meta l-MV Alice kien daħal f’Malta bil-kaptan u b’erba’ membri oħrajn tal-ekwipaġġ abbord.