Fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ 2021, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità kellha rreġistrati magħha 21,392 persuna b’diżabilità.
Żieda ta’ 1,687 persuna fuq is-sena ta’ qabel.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa waranofsinhar indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli u Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan.
Hawnhekk, ġie ppreżentat ir-Rapport Annwali tas-CRPD għas-sena 2021.
Fil-fatt, f’din il-konferenza ġie spjegat kif mit-total ta’ persuni b’diżabilità rreġistrati fl-2021, 17,014 persuna jirriżulta li għandhom diżabilitá fiżika filwaqt li 3,670 għandhom diżabilità intelletwali. 2,777 persuna ġie rrappurtat li għandhom diżabilità psikoloġika, 1,666 għandhom diżabilità ta’ smiegħ u 1,653 kellhom diżabiltà relatata mal-vista.
Intqal ukoll kif fl-2021 infetħu 422 każ mal-Kummissjoni u minn dawn ingħalqu b’suċċess 174 każ, jiġifieri 41.2%.
In-numru ta’ każijiet miftuħa fl-2021 huwa 24% inqas meta mqabbel mas-sena 2019, proprju qabel il-pandemija COVID-19.
Il-każijiet kollha li kienu miftuħa mas-CRPD u li kellhom x’jaqsmu mas-settur tas-saħħa kienu solvuti kollha filwaqt li mill-każijiet li kienu miftuħa dwar housing, 82.4% ġew magħluqa.
Is-Sinjura Pace Gasan spjegat ukoll li matul is-sena l-oħra wkoll is-CRPD organizzat total ta’ 106 sessjoni ta’ taħriġ intitolat ‘Disability Equality Training.’ Dan it-taħriġ ingħata lil aktar minn 1,750 persuna jiġifieri żieda ta’ aktar minn 700 ruħ meta mqabbel mas-sena 2020.
Minn naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli rrimarkat kif l-2021, kienet sena ta’ riformi għas-settur tad-diżabilità u kif ukoll għall-Kummissjoni.
Dan hekk kif fost oħrajn, matul l-2021, beda l-proċess biex isir it-trasferiment tal-blue badges mill-Kummissjoni għall-Aġenzija Sapport.
Dan il-proċess daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Il-Ministru kkonkludiet li l-Gvern huwa mpenjat li jkompli jagħti l-għodda neċessarja lill-persuni b’diżabilità kif ukoll lill-entitajiet li jaħdmu qatigħ għal dawn il-persuni.