Raġel ta’ 43 sena residenti r-Rabat, Għawdex, ġie arrestat waqt operazzjoni li saret mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.
Il-Pulizija qalet li wara li rċeviet informazzjoni dwar il-possibilità ta’ traffikar tad-droga waqt xi attivitajiet tal-karnival f’Għawdex, bdiet mill-ewwel b’osservazzjoni fuq razzett fl-akkwati tan-Nadur.
Kien il-Ħamis, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, li l-Pulizija ċċirkondat ir-razzett, daħlet ġewwa, u arrestat lir-raġel, li f’dak il-mument kien armat b’pistola, li ġiet elevata mill-Pulizija.
Fil-post instabu diversi qratas li huwa ssuspettat li fihom il-kokaina u ammont ieħor ta’ sustanza li huwa ssuspettat li hija ħaxixa, allegatament maħsuba biex tiġi ttraffikata. Minbarra dan, instabu ukoll mat-€53,000 fi flus kontanti, żewġ rifles, u munizzjon. Irriżulta li l-ebda waħda mill-armi ma kienet liċenzjata.
F’din l-operazzjoni, il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kienu assistiti mill-Pulizija mit-Taqsima tal-Klieb.
Il-Maġistrat Simone Grech qed tmexxi inkjesta megħjuna minn numru ta’ esperti.
Ir-raġel mistenni jitressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex illum, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana.