Tħabbru żewġ skemi minn fondi nazzjonali sabiex għaqdiet volontarji jiġu megħjuna japplikaw għall-proġetti tagħhom taħt il-LIFE Programme.
Dan huwa fond ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jiffinanzja proġetti li jittrattaw aspetti dwar l-ambjent u l-azzjoni favur il-klima.
Dawn l-iskemi li ħarġu joffru assistenza finanzjara lill-għaqdiet mhux governattivi li huma interessati jippreżentaw proposti ta’ proġetti msejsa fuq inizjattivi ambjentali.
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li permezz ta’ dawn l-iskemi l-Gvern qed ikompli jagħti kull għajnuna possibli.
Qalet, “Irridu aktar għaqdiet ambjentali Maltin li jipparteċipaw u li jipparteċipaw b’suċċess fil-Life Programme tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa programm importanti ħafna, fejn ikun qiegħed japprova proġetti primarjament ambjentali, anki fejn jidħol tibdil fil-klima.”
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, li spjega kif l-ewwel skema hija għal dawk li jridu jwettqu proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-ambjent. L-għotja tista’ titla’ sa €150,000.
It-tieni skema hija ta’ massimu ta’ €5,000 għal kull applikazzjoni biex l-għaqdiet volontarji jkunu jistgħu jqabbdu servizzi professjonali ta’ kitba ħalli jgħinuhom iwasslu aħjar l-ideat tagħhom.
Qal, “Huma skemi illi se jgħinu lill-NGOs biex japplikaw għal proġetti ambjentali taħt il-programm LIFE u wkoll, imbagħad, jingħataw il-kofinanzjament biex iwettqu dak il-proġett illi se nkunu qed ngħinuhom biex japplikaw għalih. Proġetti importanti immens għax proġetti li jolqtu direttament l-ambjent.”
Fost il-proġetti li saru permezz tal-LIFE Programme hemm it-twaqqif tal-ewwel riserva naturali kostali għall-iżvilupp ta’ siti Natura 2000 u anki għall-protezzjoni ta’ għasafar selvaġġi.