Għall-ewwel darba fl-istorja tagħha l-Enemalta organizzat korsijiet speċjalizzati għal jointers tagħha li qabel kienu isiru internament. Dan sar flimkien mal-kumpanija Ġermaniża TE Connectivity li hija magħrufa li tipproduċi fost l-aqwa ġonot għal cables ta’ vultaġġ għoli u medju.
Wara sensiela ta’ korsijiet li kienu jikkonsistu f’taħriġ teoretiku u prattiku li tmexxew minn espert Ġermaniż, 46 jointer tal-Enemalta ngħataw iċ-ċertifikat ta’ kompetenza rikonoxxut internazzjonalment biex jaħdmu fuq ġonot ta’ cables ta’ vultaġġ medju jiġifieri tal-11KV u 33KV.
Fl-operat tal-Enemalta, dawn il-ħaddiema tekniċi għandhom sehem importanti kemm fi proġetti ġodda fin-network tal-Enemalta kif ukoll fit-tiswija ta’ ħsarat li jiżviluppaw.
Waqt il-preżentazzjoni taċ-ċertifikati lill-ħaddiema, l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jonathan Cardona fisser kif dan il-kors ġab iżjed konformita, standardizzazzjoni u professjonalita fix-xogħol tal-jointers li huwa xogħol tekniku u kruċjali għan-network tal-Enemalta.
Il-Ministru tal-Ambjent, l-Energija u l-Intrapriza Miriam Dalli laqgħet l-impenn li l-Enemalta qed tagħmel fit-taħriġ u l-upskilling tal-ħaddiema tagħha, anke biex tindirizza l- isfida biex issib ħaddiema tekniċi għax-xogħlijiet meħtieġa fl-operat tal-kumpanija.