Bejn it-22 u 25 ta’ Mejju, Napoli Club Malta se jkunu qed jospitaw lil Antonio Carannante u Alessandro Renica, żewġ players li lagħbu ma’ Napoli fis-snin tmenin meta fl-skwadra ta’ Napoli kien ukoll il-mibki Diego Armando Maradona. Flimkien magħhom se jkun qed iżur il-klabb, Mario Salvin, delegat ta’ Napoli Legends.
Antonio Carannante, huwa prodott tan-nursery naplitana u ddebutta mal-kbar ta’ Napoli fl-1982. Huwa baqa’ ma’ Napoli sal-1989, ħlief ghal staġun wieħed fejn lagħab ma’ Ascoli fl-1987. Fil-perjodu li dam ma’ Napoli huwa rebaħ kampjonat, Coppa Italia u Coppa Uefa.
Alessandro Renica ingħaqad ma’ Napoli fl-1985 u magħhom għex l-aqwa perjodu kalċistiku fil-karriera tiegħu. Sakemm dam ma’ Napoli huwa rebaħ dak kollu li kien joffri l-futbol taljan dak iż-żmien – żewġ kampjonati, Coppa Italia, Supercoppa, u kif ukoll Coppa Uefa. Memorabbli għadu l-goal tiegħu fl-ahhar sekondi tal-ħin barrani tal-kwarti-finali tal-Coppa Uefa kontra Juventus.
Matul din iż-żjara, li tifforma parti miċ-ċelebrazzjonjiet tat-30 anniversarju mit-twaqqif tas-supporters klabb f’Malta, il-klabb se jorganiżża diversi attivitajiet għall-membri tiegħu fejn se jkunu jistgħu jiltaqgħu mill-viċin mal-mistiedna u jaqsmu magħhom il-memorji taż-żmien ta’ suċċess tat-tim.
Għal iktar dettalji dwar dawn l-attivitajiet, segwu il-paġna tal-facebook tan-Napoli Club Malta.