Numru ta’ voluntiera qed iħejju kontejner ta’ erbgħin pied li se jieħu diversi affarijiet ta’ użu għall-Ukreni li kellhom jitilqu minn djarhom kaġun tal-gwerra f’pajjiżhom. Dan se jkun it-tieni kontejner li se jintbagħat.
F’maħżen fiż-Żejtun assistejna għall-preparazzjoni tal-issiġillar tal-kaxxi biex, fis-sigħat li ġejjin, l-affarijiet li nġabru minn Malta jħallu pajjiżna lejn l-Ukrajna.
B’riżultat tas-solidarjetà ta’ ħafna Maltin u barranin f’pajjiżna, dan il-maħżen laqa’ fih ammonti kbar ta’ donazzjonijiet ta’ oġġetti li jvarjaw minn logħob għat-tfal u prodotti sanitarji sa ikel u ħwejjeġ.
L-oġġetti ntlaqgħu f’dan il-maħżen wara li kienu eluf ta’ individwi u kumpaniji li pparteċipaw f’din l-inizjattiva nobbli u offrew oġġetti jew servizzi biex tkun tista’ tingħata din l-għajnuna.
Hawnhekk l-oġġetti qed jiġu sseparati biex jiġi assigurat li dak kollu li jittieħed barra minn xtutna jkun ta’ kwalità tajba.
Barra minn hekk, ir-refuġjati Ukreni li waslu pajjiżna kawża tal-gwerra għandhom iċ-ċans li jmorru u jieħdu oġġetti ta’ bżonn biex ikomplu bil-ħajja ta’ kuljum bl-inqas effetti negattivi possibbli. Dan wara li l-maġġoranza tagħhom ħallew pajjiżhom ta’ fuqhom senduqhom.
Mart il-President ta’ Malta, Is-Sinjura Miriam Vella, kienet iltaqgħet mal-voluntiera u r-refuġjati li kienu qegħdin fil-maħżen waqt li kien qed jimtela’ l-ewwel kontejner.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, ukoll żar il-post, fejn iltaqa’ ma’ dawk preżenti, li qasmu miegħu l-esperjenzi li għaddejjin minnhom l-għeżież tagħhom.
Din l-operazzjoni tagħmel parti miċ-Ċentru għall-Kriżi Umanitarja fl-Ukrajna, li qiegħed jikkordina ħidma sfiqa f’bosta pajjiżi sabiex id-donazzjonijiet u l-għajnuna mogħtija tasal għand dawk l-aktar li għandhom bżonnha.
Intant, żewġ refuġjati Ukreni li ġew f’pajjiżna kawża tal-gwerra u li qegħdin jagħtu sehemhom fid-distribuzzjoni tad-donazzjonijiet spjegawlna kif qed jaħdem dan iċ-ċentru filwaqt li rringrazzjaw is-solidarjetà tal-Maltin.
Qalu, “Many Maltese people support and take food, clothes, baby furniture. I speak with many people and these people pray and worry about Ukrainian people.”
Sostnew, “I will not stop and I will continue to thank all the Maltese people about how they support the Ukrainian and what thery are doing for us. How many times they came to the warehouse to bring the donations and they hug me and cry with me and they are giving too much power for me.”
Anna Syurma, li hija Assistenta tal-Konsulat Onorarju Ukren f’Malta, spjegat il-ħidma li ċ-Ċentru għall-Kriżi Umanitarja fl-Ukrajna apparti fit-tqassim tal-oġġetti.
Syurma stqarret kif, fil-bidu tal-kunflitt kienu bosta dawk il-Maltin li saħansitra għażlu li joffru l-appartamenti tagħhom sabiex jipprovdu saqaf fuq dawn il-persuni.
Hija qalet ukoll kif fi ftit tal-jiem wara li lejn l-aħħar ta’ Frar bdiet l-invażjoni Russja fl-Ukrajna ġie mwaqqaf tim kbir ta’ voluntiera.
Qalet, “We managed to make a big team after two or three days, we managed to find a big team of volunteers and we managed to put these volunteers through the airport, crisis and call centre on behalf of the Ukrainian Consulate which is in our office.”
Fil-fatt, uħud mill-voluntiera għenu refuġjati Ukreni li wapslu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u oħrajn assistew fiċ-ċentru li laqa’ fih telefonati biex għen lir-refuġjati jsibu posthom hawn Malta.