Il-Perit Philip Mifsud, eks deputat tal-Partit Nazzjonalista li sa ftit tax-xhur ilu kien anke kkontesta l-by election biex jieħu post l-eks Ministru Joe Cassar fuq is-seba’ distrett, tkellem pubblikament dwar il-kandidatura ta’ Salvu Mallia.
Philip Mifsud ingħaqad ma’ dawk li ma ddejqu xejn ilissnu t-tħassib tagħhom pubblikament bl-attitudni ta’ Salvu Mallia. Fosthom eks kandidati u uffiċjali fil-kumitati lokali tal-istess partit. Internament, imbagħad hemm saħansitra uffiċjali iktar għolja li mhuma kuntenti xejn.
Filwaqt li xerred l-intervista ta’ Mallia mat-Times of Malta dalgħodu, Philip Mifsud qal: “Ma naħsibx li l-Partit Nazzjonalista għandu jsikktek… Naħseb li għandu jitolbok biex titlaq jekk tippersisti f’din l-attitudni.” Mifsud qal dan ftit tal-ħin wara li fil-każin Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista huwa l-Partit ta’ nies bħal Salvu Mallia.