F’Dar il-Mistrieħ fil-Furjana sar xogħol ta’ rinnovar b’investiment ta’ mija u disgħin elf ewro. Din l-ewwel fażi ta’ tisbiħ u titjib iffukat fuq l-aktar parti li tintuża mill-istaff biex ikunu jistgħu joffru servizz lir-residenti, u issa x-xogħlijiet f’din id-dar se jkomplu fuq sulari oħra. Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Anzjani, Jo Etienne Abela.
Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm tibdil fil-kċina, allarm ġdid tan-nirien, u titjib fis-sistema tal-arja kundizzjonata.
Qal, “Bdejna proprju bl-area l-aktar li tiġi użata mill-istaff, mill-ħaddiema li jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħna. Dan jirrifletti l-viżjoni ħolistika tagħna, illi jekk aħna rridu nimmeljoraw il-kundizzjoni tal-anzjani tagħna, irridu nagħmlu l-almu tagħna biex inkunu ċerti li min jieħu ħsiebhom ikun trattat tajjeb ukoll.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, Renzo Degabriele, qal li x-xogħol kollu mistenni jkun lest sal-bidu tas-sena dieħla. Spjega kif ix-xogħol li qed isir f’Dar il-Mistrieħ huwa wieħed minn kullana ta’ proġetti li qed isir fi djar tal-anzjani tal-Gvern.
Qal, “Dan jiġi fi sfond globali ta’ djar tal-Gvern, fejn qegħdin nagħmlu l-inizjattivi, jiġifieri kif wieħed jaf ukoll id-dar tal-Imsida, pereżempju, magħluqa totalment għaliex se terġa’ timbena mill-ġdid. Il-Mosta hemm il-ħsibijiet u l-pjanijiet li qegħdin jinħadmu fuq dan il-livell ukoll. L-imtarfa għadna kif għamilna wkoll ċentru tal-anzjanità, tad-dimenzja. Jiġifieri hemm sensiela ta’ inizjattivi fid-djar kollha tal-Gvern biex intejbu s-servizzi għall-istandards li huma meħtieġa llum.”