Rapport tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s ibassar li l-ekonomija ta’ pajjiżna, matul din is-sena, se tikber b’iżjed minn 4%.
Skont din l-aġenzija internazzjonali, li ma tħares lejn wiċċ ħadd, dan it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huwa b’saħħtu, anki fid-dawl tal-isfidi internazzjonali li ġabu magħhom il-pandemija u l-gwerra fl-Ewropa.
Hawnhekk ħareġ kif l-ekonomija Maltija qed tagħmel irkupru ekonomiku b’saħħtu, anki permezz ta’ żieda ta’ nies li jiġu btala f’pajjiżna u b’hekk jissaħħaħ is-settur turistiku. Din l-aġenzija internazzjonali qed tbassar li l-wasla tat-turisti matul din is-sena hija dik ta’ tliet kwarti ta’ li kienet fl-2019, qabel il-pandemija.
Ir-rapport ta’ Moody’s innota kif pajjiżna m’għandux effetti diretti mill-gwerra li għaddejja bħalissa madwar l-Ewropa, iżda bħal pajjiżi oħra qed ikun affettwat b’mod indirett, permezz tal-inflazzjoni. F’dan ir-rapport ħareġ kif l-inflazzjoni f’Malta se tibqa’ l-anqas fost il-pajjiżi Ewropej.
L-aġenzija Moody’s innutat li l-ekonomija Maltija rkuprat b’mod b’saħħtu mill-pandemija, hekk kif is-sena li għaddiet din kibret b’9.4%.
L-aġenzija internazzjonali u indipendenti nnutat l-affordabilità ekonomika li l-Gvern għandu minkejja d-defiċit, minħabba l-pandemija. Ħareġ kif il-Gvern sostna l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin, matul żminijiet ta’ sfida, anki permezz tal-COVID Wage Supplement.
Il-Moody’s qalet ukoll li d-dejn nazzjonali se jibqa’ taħt is-60%.
L-esperti ta’ Moody’s innutaw ukoll kif huma għandhom il-fiduċja li l-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jkompli jwettaq riformi favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Dwar li Malta tinsab fi proċedura ta’ aktar moniteraġġ tal-FATF, ġie nnutat kif, fil-plenarja ta’ Frar li għadda, din innutat kif pajjiżna wettaq ir-rakkomandazzjonijiet li tressqu.
B’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Prim Ministru Robert Abela, kiteb fuq Twitter li dan ir-riżultat pożittiv għal pajjiżna jsegwi rapporti internazzjonali oħrajn, ta’ Fitch u anki t-tbassir ekonomiku tal-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea.
After the positive review of Fitch and the @EU_Commission Spring Forecast, it is now the turn of Moody’s to affirm their expectation that #Malta’s economy will grow by over 4%, inflation to remain among the lowest in #Europe and our debt burden to stay below 60%. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) May 18, 2022
L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli għal pajjiżna.
Dan filwaqt li, skont tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’4 fil-mija matul is-sena d-dieħla. Dan ifisser li fl-2023 Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.