L-ilbies tal-maskri fuq l-ajruplani u fl-ajruporti jiddependi fuq il-pajjiż tar-reġistrazzjoni tal-linja tal-ajru kif ukoll il-pajjiż tat-tluq u tal-wasla.
Stqarret dan il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, b’reazzjoni għall-istqarrija li nħarġet mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni flimkien maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ġimgħa ilu. F’dik l-istqarrija, tħabbar li l-ilbies tal-maskri fuq l-ajruplani u fl-ajruporti fl-Ewropa ma kienx se jibqa’ obbligatorju.
L-Air Malta qalet li pajjiżi Ewropej fosthom l-Awstrija, l-Olanda, u Spanja għadhom jitolbu l-ilbies tal-maskra kemm meta passiġġier ikun se jidħol fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk ikun se jitlaq minn hemm lejn Malta, u jitolbuha wkoll fl-ajruporti. L-Italja qed titlob l-ilbies tal-maskri fuq l-ajruplan sal-15 ta’ Ġunju. Pajjiżi Ewropej oħra bħall-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, l-Iżvizzera, u r-Renju Unit, mhux jitolbu l-ilbies tal-maskri fl-ajruporti u fuq l-ajruplani.
Intant, passiġġieri li jixtiequ jkomplu jilbsu l-maskra abbord titjiriet minn u lejn pajjiżi li neħħew ir-rekwiżit, jistgħu jagħmlu dan b’mod liberament.