Fl-Esplora, ġiet inawgurata kamra multisensorjali ġdida sabiex dan iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza jkun aktar inklussiv għat-tfal kollha li jżuruh, partikolarment dawk fuq l-ispettru tal-awtiżmu.
Kif spjega d-Direttur tal-Esplora, Clayton Cutajar, il-kamra multisensorjali hija mgħammra b’teknoloġija u oġġetti apposta sabiex tagħti esperjenza inklussiva.
Qal, “Hemm numru ta’ esebiti ġewwa, fejn jinkoraġġixxu u jħeġġu ċertu tagħlim bħal, pereżempju, dawk relatati ma’ speech, ma’ min għandu mobility problems, u għandna wkoll andinteractive floor li wieħed ikun jista’ jirfes fuq l-art stess u jinteraġixxi max-xena li hemm.”
Ġie spjegat ukoll kif il-ħaddiema tal-Esplora tħarrġu minn speċjalisti apposta sabiex ikunu jistgħu jaġixxu mat-tfal b’diżabilità bl-aktar mod professjonali.
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, għamel aċċenn għall-edukazzjoni inklussiva u osserva li dak li ġie inawgurat fl-Esplora huwa xhieda ta’ dan.
Qal, “Huwa xi ħaġa importanti ħafna li jkollok diversi entitajiet illi jaħdmu id f’id, f’dan il-każ ikollok l-Esplora li ħadmet ma’ terzi sabiex tassigura illi jkollok dawn il-faċilitajiet multisensorjali, u allura jgħinu u anke jattiraw aktar nies sabiex jiġu f’dan iċ-ċentru li, fuq kollox, huwa ċentru ta’ tagħlim u edukazzjoni.”
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, u ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando.
Il-proġett tal-kamra multisenorjali sar bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.