Għat-tieni sena konsekuttiva, tnediet il-kampanja #ClimateOn biex tqajjem kuxjenza dwar azzjonijiet favur ħajja aktar sostenibbli.
It-tema ta’ din is-sena, “Activate Change”, tħeġġeġ għal azzjoni immedjata minn kull wieħed u waħda minna, favur użu sostenibbli tal-enerġija u mobilità sostenibbli.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Foss tal-Imdina, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli spjegat li din il-kampanja hija pjattaforma li tiffoka fuq l-għarfien u l-kuxjenza biex kumpaniji, negozji, familji, żgħażagħ u tfal tal-iskola, jadottaw prattiċi favur il-klima.
Dan biex kulħadd jagħti sehmu biex tintlaħaq il-mira ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea li jonqsu l-emissjonijiet b’ħamsa u ħamsin fil-mija.
Fil-fatt, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq il-qafas legali li bih il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, se jaslu għal dawn il-miri.
Matul din il-kampanja, li se tkun mifruxa fuq numru ta’ xhur s’Ottubru, se jkunu qed jiġu mħeġġa inizjattivi u proġetti li jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet klimatiċi, permezz ta’ riċerka, innovazzjoni u teknoloġija.
Din il-kampanja se ssir b’kollaborazzjoni ma’ diversi setturi, fosthom is-settur pubbliku, dak privat, industrijali u anki fl-iskejjel.