L-Imħallef Christian Falzon Scerri bagħat lura każ għas-smigħ fil-qorti inferjuri biex permezz tax-xhieda jiġi deċiż jekk Libjan kienx jifhem bil-Malti jew le dakinhar tal-interrogazzjoni.
L-Imħallef Falzon Scerri kkritika lill-Qorti tal-Maġistrati talli laqgħet it-talba tad-difiża għal referenza Kostituzzjonali u sostna li, jekk il-Libjan dak iż-żmien kien jikkomunika bil-Malti, ma kienx hemm ksur ta’ drittijiet imma, kieku ma kienx jaf bil-Malti, allura kien ikun hemm ksur.
Il-każ imur lura għas-sena 2019 meta Miloud Elforjani, Libjan ta’ 40 sena li kien residenti Malta, ġie akkużat fil-qorti li għamel diversi ħsarat li jlaħħqu ’l fuq minn erbat elef u sitt mitt ewro fil-karozza tal-imgħallem tiegħu.
Hu kien qal lill-pulizija li dan kien għamlu minħabba li ma kienx tħallas tax-xogħol li kien ħadem għalih. Meta ġie arrestat, kien wieġeb li ma kienx ħati.
F’Ottubru li għadda, l-avukat ta’ Elforjani, Daniel Attard, fetaħ rikors li fih talab referenza Kostituzzjonali. Huwa sostna li l-Libjan ġie mċaħħad mid-drittijiet tiegħu billi ma kellux interpretu waqt l-interrogazzjoni, fejn saħansitra kien anki ffirma stqarrijiet li jifhem bil-Malti u ma aċċettax li jkollu l-għajnuna legali fil-każ.