Ħbieb u qraba ta’ Joseph Ellul ħonqu l-Knisja tal-Madonna ta’ Pompei f’Marsaxlokk biex jagħtu l-aħħar tislima lill-ħabib u qarib sinċier.
Deskritt bħala raġel b’qalb tad-deheb u li dejjem lest biex inissillek tbissima fuq fommok, Joseph kien magħruf sew fost sħabu, b’mod speċjali għall-għemil sinċier tiegħu.
Kienu bosta li xerrdu memorji u messaġġi ta’ mħabba ddedikati għall-ħabib u qarib tal-qalb tagħhom. Minkejja li għaddew jiem mit-telfa tiegħu, għadhom s’issa ma jistgħux jemmnu li tilfuh daqshekk żgħir.
Fl-omelija, il-Kappillan ta’ Marsaxlokk, Dun Luke Seguna, tkellem dwar kif, tul ħajtu, Joseph Ellul dejjem ħabb lil kulħadd u dejjem ra li jagħmel il-ġid mal-oħrajn.
Huwa appella lil dawk preżenti għall-funeral sabiex kulħadd jieħu eżempju minn ħajjet Joseph u jimxi fuq it-tajjeb li dejjem fittex hu.
Kien l-10 ta’ Mejju meta Joseph tilef ħajtu f’inċident traġiku fl-inċineratur tal-Wasteserv fil-Marsa. Għal xi jiem il-Wasteserv, b’rispett lejn it-telfa ta’ Joseph, li ġie deskritt bħala ħaddiem maħbub minn sħabu, għażlet li jagħlqu l-faċilitajiet għal xi ħinijiet.