L-attività kummerċjali f’pajjiżna bħalissa hija waħda pożittiva ferm. Kollox juri li l-figuri tal-konsum għand in-negozji Maltin u Għawdxin huma għoljin.
Jikkonferma dan il-Ministru responsbabli għall-Ekonomija, Silvio Schembri, li f’kumment lil ONE News saħaq li, fost il-komunità kummerċjali, hemm fiduċja kbira fl-ekonomija Maltija.
Qal, “Wara sentejn u nofs ta’ sfidi marbuta mal-pandemija, issa qed naraw li l-perjodu qed inħalluh warajna u anke, allura, l-attività kummerċjali reġgħet qabdet waħda tajjeb. Dan ma ngħidux jien biss iżda jgħiduh diversi rapporti, però lil hinn minn hemm narawh u nħossuh meta aħna niltaqgħu man-nies fin-negozju. Bħalissa hemm fiduċja kbira fl-ekonomija Maltija u, fil-fatt, l-impenn tal-Gvern issa qiegħed b’mod partikolari sabiex, kemm jista’ jkun, inkomplu inneħħu burokrazija żejda li m’hemmx bżonnha, sabiex niffaċilitaw kemm jista’ jkun l-operat tan-negozji.”
Il-Ministru Silvio Schembri nnota wkoll it-tendenzi pożittiv ferm fejn jidħlu l-wasliet ta’ turisti f’pajjiżna, fatt li se jkompli jgħin fl-aspett tal-konsum intern.
Semma wkoll l-isfidi oħra internazzjonali b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u kif, b’riżultat tad-deċiżjonijiet għaqlin tal-gvern Malti, l-impatt qed qed jittaffa kemm jista’ jkun l-impatt.
Qal, “L-indikaturi ġewwa pajjiżna, minħabba deċiżjonijiet li ħa l-Gvern fejn tidħol, eżempju, is-sapport fl-enerġija kif ukoll is-sapport f’commodities oħrajn, qed juri li dawn qed iħallu r-riżultati għaliex hemmhekk l-andament ekonomiku huwa wieħed tajjeb. Issa nħares ’il quddiem sabiex din l-attività tkompli tirranka matu il-ġimgħat tas-sajf u hemmhekk nibdew nesperjenzaw tkabbir li jkun wieħed b’saħħtu li allura jkompli jsaħħaħ l-operat tal-Gvern.”