Tul il-jum tal-Ħadd, gym ġdid fil-Fgura li fetaħ il-bibien tiegħu ftit tax-xhur ilu, ospita lill-klijenti għal ġurnata b’differenza, mimlija attivitajiet sportivi għal għan nobbli.
L-eżerċizzji saru f’forma ta’ kompetizzjoni b’timijiet ta’ tlieta, li kkompetew biex jiksbu l-aqwa punteġġi fl-inqas ħin possibbli, taħt il-gwida ta’ diversi trainers professjonali.
Is-sid tal-gym, Carlin Polidano spjega li l-eżerċizzji ġew ippjanati b’tali mod li jkunu tajbin għal kulħadd.
Qal, “Konna ċerti li jkunu fair u mhux min jerfa’ l-iktar weight imma bil-body weight. Fl-aħħar ngħoddu l-punti u ħa nagħtu rigali diversi, supplements, memberships u affarijiet minn dawn.”
It-trainer qal li attivitajiet bħal dawn jixprunaw l-interess fl-isport fl-istess waqt li jkun hemm sens ta’ komunità.
Spjega, “Aħna l-gym hawnhekk komunità allura ddeċidejna li norganizzaw xi ħaġa biex niltaqgħu flimkien, nagħmlu xi ħaġa ta’ pjaċir, inżommu ruħna attivi fl-istess ħin talli qed norganizzaw din l-event niġbru xi ħaġa ta’ flus għal Puttinu. Fl-aħħar mill-aħħar, jiena nemmen li meta jkollok business mhux tieħu biss. Meta tara li ħa tgħin lil xi ħadd, tkun qed tagħmel xi ħaġa tajba u tħossok aħjar fl-aħħar mill-aħħar.”
Dan il-gym iżżanżan lejn l-aħħar tas-sena l-oħra, riżultat ta’ investiment u ħidma fix-xhur tal-pandemija.
Għandu kunċett ta’ eżerċizzju personalizzat skont il-bżonnijiet tal-persuna f’sessjonijiet ta’ siegħa ma’ trainer professjonali, għalkemm wieħed jista’ jmur ukoll u jagħmel l-eżerċizzju għal rasu.
Qal, “Kull min jiftaħ business ikollu biża’ imma meta kienet fil-pandemija kelli biża’ kbira ġieli lanqas kont norqod bil-lejl għax kont ngħid ħa jirnexxi? Imma tant kemm kienet xi ħaġa li dejjem xtaqt minn meta kont żgħir li għidt ħa nagmilha għax jiddispjaċini. Ħadt ir-riskju u eventwalment s’issa l-affarijiet jidhru li sejrin tajjeb, il-pandemija qed tiġi kkontrollata u naħseb li l-investiment kien tajjeb.”
Kull min ħa sehem fil-kompetizzjoni tal-Ħadd ried iħallas għaxar ewro u l-flus kollha li nġabru marru b’risq Puttinu Cares.