It-team nazzjonali malti tar-Rugby League kiseb rebħa kbira ta’ 66-6 kontra l-Montenegro f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Montenegro s-sibt filgħaxija fiċ-Charles Abela Stadium fil-Mosta.
Logħba li ntlagħbet quddiem pubbliku numeruż u li kienet l-ewwel waħda internazzjonali għal Malta mill-2018 ‘l hawn u wara l-waqfa twila minħabba l-pandemija.
Minkejja li ma kenitx logħba kompetittiva kienet tinkludi punti tar-rankings. Apparti dan iż-żewġ timijiet kienu qed jilgħabu għall-‘Medieval Shield’.
Ta’ nota li għall-Montenegro dik tal-bieraħ kienet l-ewwel logħba uffiċjali fl-istorja.
Apparti r-riżultat, għal Malta spikka l-iktar try veloċi qatt magħmul minn plejer malti tar-Rugby League. Dan kien Zarrin Galea li għamel touch down wara biss 13.6 sekondi mill-bidu tal-logħba. Ta’ nota l-fatt li r-rekord tad-dinja huwa f’idejn il-plejer b’ċittadinanza doppja serba u maċedonjana James Mirceski li hu ta’ 7.9 sekondi.
It-team malti kien taħt it-tmexxija tal-coach Roderick Attard.