B’631 punt, l-Ukrajna ġew iddikjarati r-rebbieħa tas-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. Malta kienet fost il-ftit pajjiżi li tat lill-Ukrajna l-inqas ammont ta’ punti.
Filfatt kienu 13-il ġurija minn 40 pajjiż (fosthom Malta) li ma vvutawx għall-kanzunetta tal-Ukrajna, filwaqt li kull pajjiż ta l-massimu ta’ punti (12 jew 10) lill-Ukrajna fil-vot tal-pubbliku, Malta u l-Maċedonja ta’ Fuq taw 8 punti, filwaqt li s-Serbja taw 7 punti.
Fuq il-mezzi soċjali lokali ħafna huma dawk li qed jilmentaw li l-Ukrajna ma kinx ħaqqha tirbaħ dan il-festival u skont il-fehma ‘online‘ ta’ ħafna, l-Ukrajna rebħet dan il-festival b’vot ta’ simpatija. Għal ħafna barranin, u anke skont ma jidher fil-voti, dan ma kinx il-każ.
Intant, eżatt wara r-rebħa tagħhom, Kalush Orchestra ntroduċew lil ‘Stefania’ (l-isem tal-kanzunetta) permezz ta’ vidjo mużikali. Vidjo li ġie miġbud fil-gwerra li għaddejja minnha l-Ukrajna. ‘Stefania’ oriġinarjament hija miktuba biex tonora lill-omm il-kantant tal-grupp, pero’ minn meta instegħmet għall-ewwel darba s’issa, il-kanzunetta ħadet tifsira oħra, dan minħabba li l-lirika tagħha faċli wieħed jaddattaha għal dak li għaddej fl-Ukrajna
”Inħossu responsabilita’ kbira minħabba l-fatt li ngħatajna permess speċjali biex inħallu l-Ukrajna f’dan il-mument u nkunu f’Turin għall-Eurovision. Għandna rwol li nkunu ta’ impenn u bżonn għall-pajjiżna f’dan il-mument partikolari. Ma kelnix l-opportunita’ li nagħmlu l-provi llkoll flimkien bħala grupp għal numru ta’ ġimgħat. Aħna nies bieżla u ħadna gost naraw ħafna nies ikantaw u jieħdu gost mal-kanzunetta tagħna, anke jekk ma jafux il-kliem kollu tagħha. Verament apprezzajna l-appoġġ għalina u fuq kollox għall-Ukrajna”
KALUSH ORCHESTRA
Il-kantant tal-grupp jgħid li għalkemm il-kanzunetta ma fiha l-ebda kelma dwar il-gwerra, ħafna nies qed jassoċjaw l-Ukrajna bħala l-omm (Mother Ukraine) u s-soċjeta’ qed tikkunsidra din il-kanzunetta bħala l-innu tal-Gwerra. Jekk dan huwa l-każ għas-soċjeta’, il-kantant nnifsu jixtieq li din il-kanzunetta tkun aktar l-innu tar-rebħa.
Segwi hawn il-vidjo uffiċjali: