Erba persuni nqatlu f’Ġerusalemm minn Palestinjan li saq trakk ġo grupp ta’ suldati, f’dak li qed jingħad mill-pulizija bħala attakk terroristiku. I
l-mejta huma tliet nisa u raġel, l-erbgħa li huma fl-għoxrinijat, filwaqt li tlettax-il persuna oħra sfaw feruti. Il-pulizija qalet li s-sewwieq tat-trakk inqatel wara li suldati mill-istess grupp sparaw fuqu.
F’dawn l-aħħar ħmistax-il xahar kien hemm ħafna attakki fuq Iżraeljani minn Palestinjani, bl-użu ta’ skieken, pistoli u anke vetturi.
Il-kap tal-pulizija qal li l-aggressur tal-attakk li seħħ il-Ħadd kien Palestinjan mil-Lvant ta’ Ġerusalemm. Filmat tas-CCTV wera t-trakk jinstaq barra mit-triq għal ġos-suldati b’veloċita għolja, u wara rriversja għal fuq iktar vittmi.