Il-Kardinal Mario Grech skond rapporti huwa fost numru ta’ kardinali li qed jissemmew bħala favoriti jew hekk imsejħa ‘papabbli’, biex ikunu s-suċċessuri tal-Papa Franġisku fil-konklavi li jmiss.
Dan hekk kif kull ma jmur qed jiżdied it-tħassib dwar saħħet Papa Franġisku li fl-aħħar jiem ħassar uħud mill-pjanijiet li kellu skedati minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Huwa deher ukoll f’wheelchair hekk kif huwa rrappurtat li għandu problemi f’irkopptu.
Analiżi mil-gazzetta The Times of London turi li l-Papa li jmiss se jkun minn fost żewġ fazzjonijiet fil-Vatikan. Dawk meqjusa konservattivi u l-fazzjoni l-oħra aktar xellugija u liberali.
Fost il-konservattivi, bħala favorit hemm l-espert tal-liġi kanonika, il-Kardinal Ungeriż Peter Erdo. Flimkien ma’ Erdo, l-editur tas-sit kattoliku Crux, John Allen jirreferi wkoll għall-Kardinal Olandiż,Wim Eijk u l-Kardinal Kanadiż, Marc Ouellet li wkoll huma fost il-favoriti.
Intant l-istess Editur hawn jirreferi għall-Kardinal Għawdxi Mario Grech bħala kandidat interessanti hekk kif minkejja li jħaddan reputazzjoni konservattiva, fl-istess ħin huwa qrib ħafna tal-prinċipji li mexa bihom Papa Franġisku.
Bħalissa l-Kardinal Mario Grech huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.
Fost aktar kardinali favoriti ma’ dawk meqjusa aktar progressivi hemm il-Kardinal Pietro Parolin, l-id il-leminija tal-Papa Franġisku u anke l-Kardinal Filippin Luis Tagle.
Sa issa hemm 117-il Kardinal li għanhom inqas minn 80 sena li jistgħu jivvotaw f’konklavi. Minn dawn, 67 inħatru mill-Papa Franġisku, 38 mill-Papa Benedittu u 12 saru Kardinali fi żmien il-Papa San Ġwanni Pawlu II.
Sabiex wieħed minn dawn il-kandidati msemmija jilħaq Papa, trid tiġi assigurata maġġoranza ta’ żewġ terzi fost il-kardinali ta’ taħt it-tmenin sena li huma eliġibbli jivvutaw.
Ir-rapport ta’ The Times of London tgħid li l-ebda minn dawn il-kandidati sa issa ma jidher li għandhom din il-maġġoranza.