L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ A+ bi prospetti stabbli, għal pajjiżna.
Dan minkejja l-effetti negattivi tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
L-esperti ta’ Fitch, magħrufa li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, attribwixxew dan ir-rating pożittiv għal pajjiżna fuq numru ta’ fatturi differenti.
Ewlenija fosthom kienet il-mod ta’ kif irpiljat l-ekonomija Maltija fl-2021 mill-effetti negattivi tal-pandemija Covid-19. Hawn l-esperti jinnutaw kif l-prodott gross domestiku kiber b’9.4% fl-2021 biex b’hekk qabeż sew it-tbassir ta’ Fitch f’Novembru ta’ 5.7%.
Għal din is-sena Fitch qed tbassar li pajjiżna jesperjenza tkabbir ta’ 4.2%. Tkabbir li ġie rivedut minħabba l-fatt li ma kienx hemm stennija li l-ekonomija Maltija tirpilja b’tant saħħa filwaqt li ttieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-invażjoni fl-Ukrajna u s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja.
L-esperti ta’ Fitch jinnutaw ukoll kif tul din is-sena s-settur turistiku f’pajjiżna ser ikompli jirpilja sew filwaqt li l-konsum privat u s-servizzi ta’ esportazzjoni ukoll mistennija jkomplu jiżdiedu anke fl-2023.
Fattur ieħor għal dan ir-rating pożittiv immens għall-pajjiżna skond Fitch, kien il-mod ta’ kif il-Gvern intervjena biex jilqa’ għall-inflazzjoni li laqtet mhux biss lil pajjiżna iżda lid-dinja kollha. Fil-fatt, l-esperti ta’ Fitch jgħidu kif il-familji f’Malta b’mod ġenerali ma ġewx affetwati miż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku u l-gas, Hawn intqal ukoll kif il-Gvern Malti kommess li jibqa’ jillimità dawn iż-żidiet.
Fitch tirreferi wkoll għad-defiċit fiskali ta’ pajjiżna li minn 9.5% fl-2020 niżel għal 8% fl-2021. Fitch tbassar li din is-sena dan mistenni jinżel għal 6.4% filwaqt li fl-2023 umbagħad mistenni jinżel għal 5.5% tal-prodott gross domestiku. 1.4% inqas milli kienet bassret l-istess aġenzija f’Novembru tas-sena li għaddiet.
Madankollu hawn Fitch tinnota kif parti sostanzjali minn dan mar għal għajnuna relatata ma’ miżuri tal-pandemija u dawk li għamlu tajjeb għaż-żieda fl-inflazzjoni. Fil-fatt, €245 miljun jew 1.6% tal-prodott gross domestiku marru għal għajnuna relatata mal-pandemija filwaqt li €210 miljun jew 1.4% marru għal għajnuna biex tiġi mitigata ż-żieda fl-inflazzjoni.
L-aġenzija ta’ Kreditu tinnota wkoll l-impenn ta’ Gvern Laburista ġdid li fil-Pjan ta’ Reżiljenza u Irkupru qed jikkommetti li jsaħħaħ l-oqsma ġudizzjarji u dawk ta’ kontra l-ħasil ta’ flus.
Fil-fatt, Fitch tipponta wkoll lejn id-deċiżjoni fl-2021 li Malta titpoġġa taħt proċedura ta’ aktar moniteraġġ mill-FATF. Madankollu ssostni li din ftit li xejn kellha effett fuq l-ekonomija Maltija. Xhieda ta’ dan huwa l-irkupru kbir li esperjenzat l-ekonomija Maltija. Hawn l-esperti ta’ Fitch jinnutaw ukoll kif f’Ġunju, Malta tista’ titneħħa minn din il-proċedura wara spezzjoni mill-FATF f’April ta’ din is-sena.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon ir-rating ta’ Fitch għal pajjiżna u semma kif dan huwa xhieda tal-kontinwità tal-politika ekonomika tal-Gvern għal-leġislatura li jmiss.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għar-rimarki li għamlu l-esperti indipendenti li qalu li l-familji Maltin qed jiġu protetti mill-inflazzjoni internazzjonali fil-prezzijiet tal-enerġija.