F’Pala Olimpico f’Turin, titella’ l-finali tas-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest. Dan il-festival, segwit minn miljuni ta’ nies qed isir fl-Italja wara r-rebħa ta’ Maneskin fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet. Fil-finali, Maneskin ser ikunu l-mistiedna speċjali.
Sa ftit siegħat qabel tibda s-serata finali, l-Ukrajna jibqgħu l-favoriti netti. Skont id-djar tal-imħatri, l-Ukrajna għandhom rebħa ċerta u komda. Mal-ewwel ħamsa fil-klassifika, qed jilgħabuha r-Renju Unit, Svezja, l-Italja u Spanja.
Malta mhux ser tieħu sehem fil-finali ta’ din is-sena, hekk kif pajjiżna ma kklassifikax għas-serata finali. Fil-finali ser jieħu sehem 25 pajjiż. Fis-serata finali, kull pajjiż parteċipant (anke dawk li ħadu sehem fis-semi finali u m’għaddewx) jivvutaw għal kanzunetta li ser tirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena, bl-ogħla punteġġ minn kull pajjiż ikunu l-famużi 12-il Punt. Ser ikun Aidan Cassar li f’isem l-istazzjon nazzjonali Malti ser jaqra t-12-il punt tal-Maltin.