Is-Sibt, 14 ta’ Mejju hija l-ġurnata li fiha se jsir il-ftuħ uffiċjali tal-Logħob tal-iSpecial Olympics, avveniment li se jara ’l fuq minn 450 atleta minn madwar l-Ewropa u jinġabru biex jikkompetu f’diversi dixxiplini sportivi.
Fost diversi għawwiema li se jieħdu sehem fid-dixxiplina tal-waterpolo, hemm Benji Camilleri.
Benji, żagħżugħ ta’ 24 sena b’abbiltajiet differenti, tkellem ma’ ONE News fil-pixxina Nazzjonali ta’ Tal-Qroqq waqt li kien qiegħed fl-aħħar sessjoni ta’ taħriġ. Huwa spjega li bħalissa l-preparamenti għaddejjin ġmielhom mal-kowċ, Marthese Fava, li ħadmet qatigħ biex Benji jidħol b’ruħu u b’ġismu għal din il-kompetizzjoni.
Qal, “We are putting a lot of energy in our training and the coaches are working really hard and, the more training we do, the more gold medals we will get.”
Huwa qal li jħossu kburi li għandu din l-opportunità li jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni daqshekk important għall-pajjiż.
Qal, “I feel very proud to be representing Malta.”
Missier Benji, Timothy, ikkummenta li, mhux biss għalih bħala ġenitur imma wkoll għal Benji, din l-esperjenza hija waħda inkredibblili għax, bis-saħħa ta’ attivitajiet bħal dawn, qed jara lil ibnu jiżviluppa kuljum.
Qal, “L-esperjenza hija pożittiva ħafna. Naraw l-iżvilupp tat-tfal kuljum, prattikament. Il-fatt li qed jipparteċipaw f’kompetizzjoni internazzjonali hija xi ħaġa li lilna tagħtina ħafna pjaċir. L-opportunitajiet qegħdin hemm għax hemm organizzazzjonijiet bħal Special Olympics Malta, Special Olympics International, li jorganizzaw dawn l-affarijiet.”
Timothy appella lil dawk il-ġenituri kollha li għandhom it-tfal tagħhom b’xi abilità differenti biex jikkuntattjaw lill-iSpecial Olympics għax hija xi ħaġa eċċezzjonali li tara lil uliedek iħossuhom kapaċi u parti minn komunità.
Qal, “Jiena nappella lil kull parent li hemm hemm barra, li forsi għandhom tfal b’xi diffikultà jew oħra. L-ispectrum huwa vast, jiġifieri jġibuhom għaliex l-iżvilupp m’huwiex biss fiżiku; l-iżvilupp huwa totali u naraw ħafna affarijet tajbin.”