Il-Ġimgħa waranofsinhar Bernard Grech tefa’ n-nomina tiegħu biex jibqa’ jżomm postu fis-siġġu tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Dan wara li, fl-elezzjoni ta’ Marzu li għadda, il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech sofra l-iktar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Bernard Grech tefa’ n-nomina wara li l-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista ddikjarat lil Grech bħala idoneu biex jikkontesta għall-kariġa ta’ Kap Nazzjonalista.
Din il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq it-tweġibiet li taha Bernard Grech innifsu. B’differenza minn dak li kien sar meta kienu tellqu għall-kariga ta’ Kap Bernard Grech u Adrian Delia, ir-rapport dwar id-diliġenza dovuta did-darba ma ġiex ippubblikat.
Bernard Grech se jkun l-uniku kandidat f’din l-elezzjoni, fis-27 u t-28 ta’ Mejju li ġej.
Minħabba li Bernard Grech se jikkontesta waħdu, se jivvutaw biss il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u t-tesserati mhux se jkunu involuti f’dan il-proċess.
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, Bernard Grech għamel minn kollox biex itellaq waħdu. Osservaturi rrimarkaw kif huwa għamel tentattiv wara l-ieħor biex ibeżża’ lil kull min seta’ jitħajjar li juri interess fit-tmexxija. Fost it-tattiki li uża, fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali kixef li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ €32 miljun, xi ħaġa li pprova jitfa’ l-ħtija tagħha fuq ta’ qablu.
Fl-ewwel messaġġ li għadda wara t-telfa elettorali, Bernard Grech ħabbar mill-ewwel li ried iżomm il-pożizzjoni ta’ Kap Nazzjonalista. L-aħħar Kap Nazzjonalista li tellaq waħdu f’elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kien Lawrence Gonzi fl-2012, fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono.