F’konferenza ministerjali f’Pariġi fi Franza li attendew għaliha ministri mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, ġie diskuss l-użu tal-kimiċi u kif bħala stati membri nistgħu nipproteġu aħjar is-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent minn ċerti kimiċi li jinsabu fi prodotti li nużaw ta’ kuljum.
Bħalissa qed issir analiżi ta’ prodotti differenti, fosthom ġugarelli, prodotti kożmetiċi, ħwejjeġ u prodotti li jintużaw fil-kċina biex wieħed isajjar fihom.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Għaqdiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fejn enfasizzat li huwa kruċjali li nipproteġu lin-nies u lill-ambjent mill-użu ta’ kimiċi perikolużi u li jistgħu jinstabu fi prodotti li nużaw fil-ħajja ta’ kuljum
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-enfasi m’għandhiex tkun biss fuq il-ħsara li ċerti kimiċi jistgħu jagħmlu, iżda għandha tingħata wkoll importanza lil prodotti essenzjali li l-konsumatur juża ta’ kuljum. Il-ministru kompliet tgħid li Malta hija miftuħa li tesplora l-possibbiltà li jiġu applikati ċerti prinċipji li bħalissa qed jintużaw taħt leġiżlazzjoni differenti.