“L-għasafar selvaġġi ma jappartjenux lill-BirdLife Malta biss, kif tippretenti din is-soċjeta’ li anki timpedixxi dħul ħieles fir-riżervi tal-għasafar mmaniġġati minnha.”
Dan kien kliem l-Federazzjoni Kaċċatturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) fejn sostniet li la darba l-awtoritajiet tal-Wild Birds Regulation Unit u d-Direttorat tar-Regolarizzazzjoni Veterinarja ddeċidew li jagħlqu ż-żona għall-pubbliku f’Marsalforn, Għawdex, fejn ilhom jistkennu ammont ta’ ċinji muti minn nhar il-Ħadd dan suppost iffisser li ż-żona hija magħluqa għal kulħadd.
Li fi kliem l-FKNK għandha ukoll tkun magħluqa għall-attivisti kollha tal-BirdLife Malta.
Hawnhekk, l-FKNK saqsiet x’kienet il-bażi ta’ din id-deċiżjoni u kif l-attivisti tal-BirdLife qed jitħallew jidħlu f’din iż-żona meta ż-żona fejn jinsabu ċ-ċinji ngħalqet għall-pubbliku.
“Il-verità hi, li l-BirdLife Malta ma felħuiex li ma nqala ebda inċident kif kienu qed jistennew” saħqet il-Federazzjoni.
Fl-istqarrija, l-FKNK irringrazzjat l-kaċċaturi u n-nassaba tagħha għall-għajnuna li taw biex iċ-ċinji jiġu salvagwardjati fosthom meta kaċċaturi Għawdxin salvaw iċ-ċinju.