“ll-programm tal-Gvern hekk kif imressaq mill-President tar-Repubblika fil-ftuħ ta’ din l-erbatax il-leġiżlatura huwa programm ta’ Gvern li hu determinat li jwettaq dak li wiegħed.”
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru, Robert Abela, beda d-diskors tiegħu meta indirizza l-Parlament b’reazzjoni għad-diskors li għamel il-President ta’ Malta fil-ftuħ tal-Parlament is-Sibt li għadda.
Dr Abela saħaq fuq kif dan il-Gvern se jara li jwettaq il-manifest li wiegħed lill-poplu, bil-prinċipji tal-umiltá u konsultazzjoni jibqgħu ċentrali fil-ħidma tiegħu.
“Ix-xogħol tagħna bħala Gvern se jkun illi filwaqt li dak il-ħsiebijiet nikkunsidrawhom kollha, fl-aħħar mill-aħħar nagħżlu t-triq li rridu nieħdu. Qed ninsisti fuq dan il-punt f’kull messaġġ li qiegħed nagħti għaliex jaralna, jaralna ħafna jekk naħsbu li nistgħu nimxu ‘l quddiem billi nibqgħu gallarija quddiem id-deċiżjonijiet illi rridu nieħdu.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hekk kif aċċenna għad-deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern, il-Prim Ministru semma, fost l-oħrajn, l-emendi għal-liġi tal-IVF, li l-Ewwel Qari tressaq mill-Gvern jumejn ilu fil-Parlament.
Dr Abela rrimarka dwar l-atteġġjament tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, li pprova jikseb vantaġġ partiġġjan minn suġġett tant sensittiv.
“Forsi aktar u aktar irid inessi x’kienet ir-reażjoni tiegħu, meta aħna nidejna din il-proposta. Imma jien mhux ser inħalli lil ħadd jinsa u ħa nfakkru x’kien qal dakinhar, ir-reażjoni insensittiva tiegħu għal riforma tal-liġi tal-IVF, infakkar lin-nies x’kienet. Dakinhar kien qalhom li r-realtà u l-weġgħa tan-nies li ma jistax ikollhom tfal kien se jindirizza billi jistiedinhom jissieħbu fil-Partit Nazzjonalista.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza wkoll ir-rapport tal-Caritas li tefa’ dawl fuq l-impatti kbar li qed iħallu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Hawn sostna kif, minkejja dawn l-isfidi l-Gvern Laburista dejjem wiżen lill-poplu u taffa mill-isfidi li laqtuh billi, fost oħrajn, żamm il-prezzijiet tad-dawl, tal-fjuwil, u tal-gass stabbli.
Dan flimkien ma’ żidiet fil-pensjonijiet, fiċ-childrens’ allowance, u fl-in-work benefit.
“It-tbassir fil-bidu tal-pandemija aktar minn 50,000 persuna mbassra li jispiċċaw mingħajr xogħol. Minflok dawk il-50,000 u iżjed persuni mbassra jispiċċaw mingħajr xogħol, għandna l-anqas rata ta’ qgħad li qatt kellu pajjiżna, anqas minn 1,000 qiegħda.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru assigura li Gvern imexxi minnu se jibqa’ jgħin skont dak li jiflaħ il-pajjiż anke permezz ta’ deċiżjonijiet kuraġġjużi li jridu jittieħdu li, fost l-oħrajn, iridu jolqtu s-settur ekonomiku b’mod pożittiv.
Fost oħrajn, dan jinkludi l-esplorazzjoni ta’ mudelli li permezz tagħhom jiġu mmassimizzati l-potenzjali tar-riżorsi tal-Gvern sabiex tikber l-ekonomija.
“Ħasra li tgħaddi minn fejn hemm il-Palazz ta’ Selmun u tara din il-propjetà imprezzabli mitluqa f’dak l-istat. Il-privat ilu juri interess ta’ żvilupp għal din il-propjetà għl snin. Insemmi wkoll l-Evans, sit f’post uniku, propju fl-entraturà tad-daħla tal-Port il-Kbir u li sfortunatament ma qed iġib xejn mill-potenzjal li għandna l-binja u ż-żona unika u partikolari illi tinsab fiha. Allura dawn huma żewġ eżempji ta’ proġetti ta’ potenzjal li ma nistgħux inħalluh rieqed u m’aħniex se nħalluh rieqed.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li dan il-Gvern se jibqa’ jkun ambizzjuż u se jibqa’ jimbotta għal bidliet li jaraw lil dan il-pajjiż jilħaq livelli ġodda.
“Se nibqgħu nkunu ambizzjużi illi jaraw lil dan il-pajjiż jilħaq livelli ġodda, biex imbagħad kollox jinġabar fi tliet għanijiet: Malta isbaħ, opportunitajiet għal kulħadd u kwalità ta’ ħajja aħjar. Tliet għanijiet li se jkunu l-bażi tal-prosperità l-ġdida, li se nkunu qed nibnu fil-ħames snin li ġejjin, fejn minn proposti għal futur sabiħ, sejrin inwettqu kisbiet issa għall-preżent b’saħħtu u ġejjieni ferm isbaħ. Nirringrazzjak.”
il-Prim Ministru Robert Abela