Il-Kummissarju tat-Taxxa ħabbar li l-benefiċjarji tal-Iskema ta’ Differiment tat-Taxxa, li kienet parti mill-għajnuna li ta l-Gvern matul il-pandemija, se jingħataw il-possibilità li jħallsu t-taxxi li kienu eliġibbli taħt din il-miżura sa Ġunju elfejn erbgħa u għoxrin.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, li fiha ġie spjegat li l-ewwel ammont irid jibda jitħallas ix-xahar id-dieħel, b’pagamenti kull xahar. Matul dan il-perjodu ta’ tletin xahar, l-imgħax fuq it-taxxi differiti jiġi ffriżat.
F’każ li l-benefiċjarji ma jkunux ħallsu l-pagamenti sal-aħħar tas-sena elfejn erbgħa u għoxrin , il-benefiċċju jista’ jintilef u l-imgħax jerġa’ jiġi dovut fuq l-ammont li ma jkunx tħallas daqslikieku l-iskema ma kinitx tapplika.
In-negozji huma mistennija jħallsu wkoll it-taxxi kurrenti.
L-istqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi qalet ukoll li, f’każijiet fejn in-negozji jkollhom bilanċi ta’ perjodi oħra dovuti li mhumiex koperti taħt l-iskema tat-taxxi differiti, dawn ukoll iridu jiġu mħallsa sa Diċembru 2024, sakemm ma hemmx ftehim differenti mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.
Se jkunu qed isiru laqgħat informattivi ma’ dawk l-imsieħba kollha sabiex ikunu jafu kif ser jitħaddem dan il-proċess.