Adrian Agius, wieħed mill-aħwa Tal-Maksar, allega fi stqarrija li ta taħt ġurament, li Ryan Schembri tal-More Supermarkets ittrasferixxa €25 miljun lejn kont bankarju f’Dubaj.
Dan intqal l-Erbgħa filgħodu meta issuktat il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Ryan Schembri, li jinsab mixli b’akkużi ta’ ħasil ta’ flus kif ukoll ta’ frodi, intqal kif Schembri kien ħarab minn Malta f’Settembru tal-2014 wara li falla n-negozju tiegħu, More Supermarkets, u kien ilu mfittex mill-awtoritajiet Maltin għal dawn l-aħħar tmien snin.
Adrian Agius, li kellu interess dirett fin-negozju ta’ Schembri tal-More Supermarkets, jinsab arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kif ukoll tal-Avukat Carmel Chircop.
Fl-2014 Schembri kellu kuntratt mal-avukat Carmel Chircop, li nqatel sena wara. Chircop kien sellef lil Schembri seba’ mija u ħamsin elf ewro mingħajr interessi.
Quddiem il-maġistrat Donatella Frendo-Dimech, il-prosekuzzjoni qalet li fl-2013 irċeviet tliet dokumenti bi lmenti ġudizzjarji mingħand Darren Casha, li allega li Schembri kien iffrodah miljuni ta’ ewro.
Schembri ħarab minn Malta ftit wara li kien beda l-proċeduri biex jittrasferixxi n-negozju għal fuq Casha, li kien taħt l-impressjoni li n-negozju kien finanzjarjament stabbli.
Kien wara li saru l-ilmenti ġudizzjarji li l-Pulizija ħarġu blue notice fuq Schembri, liema twissija tinħareġ dwar persuni li jkollhom informazzjoni fuq xi att jew persuni kriminali.
Casha spjega lill-Pulizija kif kien wara li Schembri ħarab mill-pajjiż li nduna l-istat li kien fih in-negozju, meta għadd ta’ kredituri bdew imorru fuq il-post biex jiġbru flushom, bi wħud minnhom saħansitra anke jallegaw li kienu sellfu lil Schembri miljun ewro.
Fil-Qorti nstema wkoll kif Ryan Schembri kien allegatament iħallas id-dejn tiegħu b’ċekkijiet ħżiena li ma kienux jgħaddu meta kienu jmorru biex jiġu msarrfa.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech l-Ispettur Anthony Scerri spjega kif f’Settembru tal-2014 Schembri qal lil martu biex tippakkja l-bagalji. Kien hemm li bil-Mercedes tiegħu qabdu katamaran lejn Sqallija u eventwalment minn hemm qabdu titjiriet lejn Amsterdam, Dubaj, l-Awtralja u lura għal Dubaj fi ftit żmien.
Tul dan il-perjodu Schembri flimkien ma’ martu u ibnu ħallsu dejjem bi flus kontanti. Intqal ukoll kif l-imputat ħalla l-karozza tiegħu fl-ajruport ta’ Katanja sabiex umbagħad missieru bgħat tow truck sabiex jiġbor l-istess karozza u jbiegħa. Il-Mercedes kienet irreġistrata f’isem omm Ryan Schembri.
L-ispettur Scerri rrimarka wkoll kif mal-Pulizija Ryan Schembri qal li l-intenzjoni tiegħu kienet dik li eventwalment iħallas lill-kredituri tiegħu lura u li dan kien biss każ ta’ negozju li mar ħażin.
Mal-Pulizija Schembri qal ukoll li kien qed jaħdem fuq proġett kbir li bih kien se jħallas lil kulħadd lura. Madankollu malli l-Qorti staqsiet jekk il-kredituri tiegħu kienux jafu b’dan il-proġett, l-Ispettur Scerri spjega li Ryan Schembri qallu li ma kienux jafu.
Il-każ se jkompli jinstema’ fl-20 ta’ Ġunju.