Mit-Tnejn li ġej, 16 ta’ Mejju, l-ilbies tal-maskra fuq l-ajruplani u fl-ajruporti mhux se jibqa’ obbligatorju.
Dan tħabbar fi stqarrija konġunta miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija tas-Sigurtà fl-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
It-tnejn li huma għamluha ċara li din ir-regola tista’ tvarja skont il-linji tal-ajru rispettivi.
Il-passiġġieri vulnerabbli xorta huma mħeġġa jipproteġu lilhom infushom meta jsiefru billi jilbsu l-maskra fuq it-titjira u jżommu d-distanza soċjali fl-ajruport.
Ikkuntattjat minn ONE News, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, ikkonferma li, kif għamlet dejjem, Malta se timxi mad-direzzjoni ta’ Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.