Adam Andrzej Kuza ta’ 37 sena mill-Polonja ngħata sentenza sospiża wara li wieġeb ħati li nsulta u hedded uffiċjali tal-Pulizija li joqtolhom.
Huwa tressaq il-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
L-Ispettur tal-Pulizija Roderick Attard spjega kif bejn il-lejl tad-9 u l-10 ta’ Mejju l-imputat kellu argument ma’ martu.
Dan hekk kif martu kellha inċident wara lejl twil ta’ xorb u kellha bżonn kura medika.
Kien hemm li intervjenew il-Pulizija fejn issuġġerrew li hija tintbagħat l-isptar madanakollu hawn l-argument eskala tant li l-imputat hedded lil erba’ uffiċjali tal-Pulizija li se joqtolhom jekk imissulu lil martu.
L-Ispettur Attard spjega wkoll li l-imputat ikkopera mal-Pulizija u ammetta li fil-ħin li seħħ il-każ huwa kien xurban.
Quddiem il-Qorti l-imputat permezz tal-għajnuna legali Martha Mifsud, Kuza wieġeb li huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u skuża ruħu mal-Qorti.
Huwa tenna li huwa ċittadin tajjeb u qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li jispiċċa f’din is-sitwazzjoni.
Wara li semgħet l-argumentazzjoni miż-żewġ partijiet il-Qorti ddeċidiet li lill-imputat tagħtih sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €800.