“Il-poplu jara d-differenza bejn Gvern li jammetti li mhux perfett u jikkorreġi l-iżbalji tiegħu u Oppożizzjoni li taħseb li hija perfetta u meta tinqabad bl-iżbalji tibqa’ tippersisti.”
Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat, f’kollegament fuq ONE radio, b’referenza għal każ ta’ Jason Azzopardi fejn il-Ministru Owen Bonniċi żvela fatti bbażati fuq xhieda ġuramentata li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tmeri.
Il-Prim Ministru qal li dan il-każ wassal biex il-Gvern jistaqsi x’miżuri ħa l-eks Ministru Jason Azzopardi biex jipproteġi l-interessi tal-Gvern. Huwa qal li hawnhekk għandna każ fejn l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tmeri dak li ntqal b’ġurament u li dan huwa xhieda tad-differenza bejn Gvern li mhux perfett u li jaġġixxi fuq l-iżbalji u Oppożizzjoni li tkompli tkaxkar saqajha.
Il-Ministru Owen Bonnici żvela li l-eks Ministru Jason Azzopardi kien wiegħed “kompromess” lil Żaren Vassallo dwar l-art tal-Lowenbrau f’Ħal Qormi. Kompromess li minnu l-Gvern spiċċa tilef iktar minn €7,000,000. F’reazzjoni deskritta “isterika”, Jason Azzopardi ċaħad u qal li se jagħmel libell, iżda Bonnici insista li dak li żvela huwa ġuramentat u qallu “be my guest”.
B’hekk qed tkompli titħabbel il-kobba wara dan id-deal li l-Awditur Ġenerali kellu kliem ta’ kundanna għalih u b’rabta miegħu qal li Azzopardi għandu responsabbiltá x’jerfa’.
Il-kobor ta’ dan il-każ jidher ukoll hekk kif dak li żvela lbieraħ il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jidher fil-faċċati tal-gazzetti kollha.