“Anke jekk għandna l-Presidenza, il-Gvern se jibqa’ jiffoka fuq il-bżonnijiet tan-nies.”
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq ONE RADIO. Il-Prim Ministru spjega li minkejja li pajjiżna huwa kburi li qed imexxi l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, xorta waħda qed iżomm saqajh mal-art u jkompli jiffoka fuq il-bżonnijiet li għandhom in-nies. Huwa saħaq li se jkomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet minn Gvern li jbiddel u li qed iwasslu għar-riżultati.
- Fi tliet snin dan il-Gvern irnexxielu jżied b’darbtejn il-postijiet tax-xogħol
Riżultati li qed jibbenefikaw minnhom il-Maltin u l-Għawdxin, hekk kif l-istatistika turi li f’pajjiżna nħolqu 24,000 impjieg full-time ġodda, numru li juri kif fi tliet snin dan il-Gvern irnexxielu jżied b’darbtejn aktar il-postijiet tax-xogħol meta kkumparat mal-ħames snin preċedenti taħt it-tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista.
Il-Prim Ministru spjega li dan Gvern wiret kriżi fis-suq tax-xogħol u li rnexxielu jniżżel il-qgħad b’numru sostanzjali li huwa l-inqas numru fl-istorja u li minkejja d-dan il-Gvern xorta waħda se jkun qed ikompli jaħdem biex jassiguraw li dan in-numru jkompli jonqos.
Kien hawnhekk li l-Prim Ministru fakkar kif sena ġdida tfisser beneffiċji ġodda għaċ-ċittadini Maltin hekk kif daħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ baġit soċjali li żamm bħala prijoritá tiegħu l-bżonnijiet tan-nies. Dawn il-miżuri jinkludu fost oħrajn, iż-żieda fil-pensjonijiet, trasport b’xejn għal żgħażagħ li jagħlqu tmintax-il sena, żieda oħra fl-istipendji, l-iskema tal-first-time buyers flimkien ma’ numru ta’ miżuri oħra.
- Benefiċċji ġodda matul din is-sena
Il-Prim Ministru għamel referenza ukoll għall-benefiċċji li qed jerġgħu jgawdu minnhom id-dijabetiċi, hekk kif pazjenti dijabetiċi bil-kartuna s-safra se jibdew jibbenefikaw minn kura dentali bla ħlas; sussidju fuq in-nuċċalijiet; aċċess għal antibijotiċi b’ xejn, kif ukoll kontra l-kura taz-zokkor. Irrefera ukoll għar-roħs sostanzjali f’għadd ta’ mediċini li fost oħrajn se jkunu qed jibbenefikaw minnhom persuni li għandhom kanċer u li jużaw it-trattament kontra l-astma.
Iżda dan ma kienx l-unika tibdil li qed jibbenefikaw minnu l-pubbliku, l-Prim Ministru spjega kif il-bidla li saret fis-sistema tad-dawl u ilma tfisser kif pajjiżna ma ġiex affettwat mill-isplużjoni internazzjonali fil-prezz taż-żejt u li kien għall-Partit Nazzjonalista dawn il-kontijiet kienu jgħolew u fil-kesħa li laqtgħet lil pajjiżna – in-nies ma kienux jaffordjaw jixegħlu fost oħrajn l-arja kkundizzjonata għaliex ma jkunux jifilħu jħallsu kontijiet għoljin.
Hawnhekk saret referenza għall-prezzijiet tal-fjuwil f’pajjiżna, fejn il-Prim Ministru spjega li l-għaqal tal-Gvern wassal biex dan il-prezz jibqa’ l-inqas fl-Ewropa u anqas mill-medja Ewropea.
Matul il-kollegament il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar iż-żieda ta’ 63% fit-turiżmu u li l-2016 kienet l-ewwel sena li pajjiżna mhux qed jesperjenza differenza fin-numru ta’ turisti li jagħżlu lil pajjiżna bejn is-Sajf u x-Xitwa.