Proġett ta’ €10 miljun biex jiġu riġenerati l-erba’ mini ewlenin fit-toroq Maltin wasal fi tmiemu wara xogħol esteniv minn Infrastruttura Malta.
Fl-aħħar xhur Infrastruttura Malta impenjat ruħha li ttejjeb u tirriġenera l-mini ewlenin fit-toroq Maltin biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet ta’ dawk li jagħmlu użu minnhom ta’ kuljum fit-traġitti tagħhom.
Uħud mix-xogħlijiet li saru minn Infrastructure Malta jinkludu t-tindif tal-ħitan tal-mini; tiswijiet strutturali; istallazzjoni ta’ dwal ġodda; sistemi ta’ kontra n-nirien, biex inaqqsu l-perikli, u ta’ emerġenza; u sistemi ta’ kameras tas-sigurtà bil-kapaċità li jiġu mgħammra b’sistemi li jinnotifikaw lill-awtoritajiet b’mod awtomatiku meta jkun hemm xi diffikultà fil-mini, bħal karozzi weqfin, fost l-oħrajn.
Dwar dawn il-kameras tas-sigurtà ONE News tkellem mad-Deputat Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Kevin Farrugia, li spjega l-użu tagħhom f’postijiet li ta’ kuljum jgħaddu minnhom eluf ta’ karozzi.
Farrugia stqarr, “Is-CCTVs twaħħlu bil-għan biex jassistu fit-traffic management u anke għal sigurtà. Il-kameras li hemm imwaħħlin m’humiex kameras biex jinħarġu multi imma huma kameras biex jassistu t-traffic control centre ta’ Transport Malta biex, f’każ ta’ inċidenti, waqfien ta’ karozzi jew affarijiet oħrajn li m’humiex normali, il-kameras javżaw b’mod awtomatiku lit-traffic control centre ta’ Transport Malta biex aħna nassistu bl-aktar mod spedit.”
Issa li Infrastruttura Malta installat dawn il-kameras, dawn jiġu mmaniġġjati u mħaddma minn Transport Malta.