Jum l-Ewropa ta’ din is-sena hija importanti, hekk kif qed tfakkar l-għaqda u l-paċi fl-Ewropa: żewġ prinċipji li nebbħu biex tkun iffurmata dik li llum hija l-Unjoni Ewropea.
Iżda din is-sena dan il-Jum kien imtappan bi gwerra fuq l-għatba tal-Ewropa, fl-Ukrajna.
Dwar dan il-Jum tkellimna mal-Kummissjarju Ewropew innominat minn Malta, Helena Dalli, li tkellmet dwar kif l-għan prinċipali tal-Unjoni Ewropea huwa li jsaltnu l-għaqda u l-paċi.
Qalet, “Fil-fatt, kienet ir-raġuni, waħda mir-raġunijiet, li l-Ewropa ngħaqdet, proprju sabiex ikollna l-paċi fl-Ewropa. Apparti mill-għaqda soċjali u l-għaqda ekonomika u l-għaqda wara żewġ gwerer kienet importanti. Illum qegħdin niċċelebraw Jum l-Ewropa f’dan l-isfond ta’ gwerra.”
Hija semmiet kif il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-istituzzjonijiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea, qegħdin jaħdmu biex anki fl-Ukrajna jkun hemm il-paċi.
L-Unjoni Ewropea ħabbret diversi sanzjonijiet u qiegħda wkoll tgħin lir-refuġjati li jinsabu fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Dr Dalli bħalissa tinsab Turin, fl-Italja, sabiex tieħu sehem fil-konferenza dwar il-paċi fl-Ukrajna. Hija qalet li l-Unjoni Ewropea se tkun qed twassal dan il-messaġġ waqt il-Eurovision Song Contest, li se jsir fi tmiem din il-ġimgħa.
Dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, Dr Dalli qalet li din hija opportunità sabiex l-Unjoni Ewropea tkompli tikber fid-diversità.
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ġiet fi tmiemha fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. F’din il-konferenza, li l-proċess tagħha dam madwar sena, ħadu sehem iżjed minn ħamsin elf ċittadin minn madwar l-Unjoni Ewropea u ħarġu disgħa u erbgħin proposta li għandhom jibdew jitwettqu fiż-żmien li ġej.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-Unjoni Ewropea bdiet wara ħolma u dik il-ħolma għadha b’saħħitha sal-lum.
Qalet, “Europe is a dream, a dream that always was, a dream born from tragedy. But today that dream shines brightest not only here, in this historic place. It shines in the hearts and minds of Kyiv and Kharkiv, of Odessa and Mariupol.”
Ursula von der Leyen qalet li l-għaqda u l-paċi fl-Ewropa huma aħjar u iżjed b’saħħithom minn parata militari f’Moska.
Intant f’dan il-jum, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel żar il-belt ta’ Odessa fl-Ukrajna, fejn iltaqa mal-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyal.
Il-President tal-Kunsill Ewropew qal li fl-Ukrajna wieħed jista’ jara u jħoss lill-Ewropa, hekk kif dan il-pajjiż qed jissielet kontra l-missili u l-militar tar-Russja.