Il-Gvern b’kollox se jkun qed joħroġ madwar €17-il miljun fl-iskema ta’ għotja ta’ €11,000 għal xiri ta’ vetturi elettriċi ibridi li jiġu ċċarġjati billi jiġu pplaggjati ma’ sors tal-elettriku.
Ħabbar dan ma’ ONE News l-uffiċjal ta’ Transport Malta, is-Sur Gilbert Agius, meta rreaġixxa ma’ dan l-istazzjon għall-aħbar li, fl-aħħar ta’ Mejju, din l-iskema li introduċa l-Gvern se tagħlaq.
Ftit tal-jiem ilu tħabbar li din l-iskema se tingħalaq u li ttieħdet kollha kemm hi. Minkejja dan, anke biex jingħata serħan il-moħħ lil dawk kollha li xtraw vettura plug-in hybrid imma għadha ma waslitilhomx, kull min ordna vettura sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u l-vettura tibqa’ ma tasalx saħansitra din is-sena, jiġifieri anke wara li tagħlaq l-iskema, xorta se jkun qed jibbenefika mill-għotja.
Qal, “Bażikament, konna qed niġu infurmati li huma diġà qed ibigħu, u bigħu ’l fuq minn 800 vettura min Ottubru tas-sena li għaddiet sal-aħħar ta’ April. Però, għal raġunijiet ta’ Covid-19, ta’ gwerra, ta’ supply, ta’ produzzjoni, dawn il-vetturi mhux se jilħqu jaslu sal-aħħar ta’ din is-sena u allura, biex niċċaraw għall-benefiċċju ta’ dawk li xtraw vetturi plug-in, Transport Malta issa qed tikkommetti li min xtara xi waħda minn dawn il-vetturi jew se jixtri waħda minn dawn il-vetturi plug-in hybrid sal-aħħar ta’ Mejju, se jkun hemm committment tal-grant tal-€11,000 jew inkella €12,000 jekk inti tiskrappja l-vettura.”
Agius spjega l-istatistika b’rabta mx-xiri ta’ vetturi plug-in hybrid fl-aħħar xhur.
Sal-aħħar ta’ April, Transport Malta pproċessat 329 applikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ vettura, b’valur ta’ €3.4 miljun. Sadanittant, hemm ukoll 132 applikazzjoni li jinsabu pendenti għax il-vetturi għadhom kif waslu riċentament u b’hekk qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-għotjiet għalihom.
B’kollox, l-applikazzjonijiet jammontaw għal €1.5 miljun.
Dan apparti madwar elf applikazzjoni li mistennija jiġu sottomessi aktar tard din is-sena jew is-sena d-dieħla mal-wasla tal-karozzi li ġew ordnati diġà jew li se jiġu ordnati sal-aħħar ta’ Mejju.
Spjega, “L-isforz kollu li qegħdin nagħmlu bħala Transport Malta b’dawn l-iskemi kollha li ilna noħorġu għal dawn l-aħħar snin, l-ammont ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku, inklużi l-muturi u l-plug-in hybrids, żdied konsiderevolment u nista’ nikkonferma li, sal-aħħar ta’ April, kellna ’l fuq minn 8,300, inklużi muturi, plug-ins, u electric.”
Agius qal ukoll li l-vetturi plug-in hybrid xorta se jibqgħu jibbenifikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni u mil-liċenzji tagħhom, li huma b’xejn għall-ewwel ħames snin u €10 fis-sena ta’ wara dan il-perjodu.