Malta għandha fost l-aktar nies li jdumu jgħixu mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
Il-medja tal-età tal-aspettattiva tal-ħajja f’pajjiżna is-sena li għaddiet kienet ta’ kważi tlieta u tmenin sena.
Hawnhekk, is-sena li għaddiet, pajjiżna żied zero punt sitta fil-mija, meta mqabbel mal-elfejn u għoxrin.
Din iż-żieda ġġib l-istess rata li pajjiżna kellu fis-sena elfejn u dsatax, qabel il-pandemija.
Minn dawn iċ-ċifri tal-EUROSTAT ħareġ kif tmien pajjiżi biss tal-Unjoni Ewropea kellhom żieda fil-medja tal-età tagħhom is-sena li għaddiet meta mqabbel mal-elfejn u għoxrin. Dawn huma Franza, is-Slovenja, il-Lussemburgu, l-Italja, Malta, l-Iżvezja, Spanja, u l-Belġju.
Din iż-żieda ta’ kważi wieħed fil-mija tagħmel ir-rata ta’ Malta, f’din l-istatistika, it-tielet l-iżjed pajjiż fil-medja tal-età ta’ dawk li jgħixu fl-Unjoni Ewropea. Huma biss Spanja u l-Iżvezja li għandhom rata ogħla minn Malta u l-Italja.
Min-naħa l-oħra, is-sena li għaddiet, erbatax-il pajjiż mill-Unjoni Ewropea kellhom nuqqas fil-medja tal-età ta’ kemm jgħixu n-nies. Fost dawn kien hemm l-Islovakkja, il-Bulgarija, il-Latvija, u l-Estonja, li kellhom nuqqas ta’ iżjed minn tnejn fil-mija fil-medja tal-età li jgħixu n-nies f’dawn il-pajjiżi.
Dan filwaqt li l-Awstrija u l-Finlandja, is-sena li għaddiet, żammew l-istess rata li kellhom fl-elfejn u għoxrin.