Angelo Attard, ta’ 45 sena, mill-Birgu ngħata l-libertà kundizzjonata wara li ħebb għal pulizija li ma kienx xogħol.
Il-każ imur lura għal Jannar tal-2017, barra l-mini ta’ San Ġiljan, meta l-pulizija nnota manuvri perikolużi li Attard kien qed jagħmel waqt li kien qed isuq.
Wara li l-pulizija waqqfu, Attard allegatament ħareġ mill-karozza tiegħu u ta daqqa ta’ ponn lill-uffiċjal f’wiċċu.
Huwa ġie akkużat b’sewqan perikoluż, li ħebb għall-pulizija u li kien riċediv.
Attard kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrih għajr dik li kien riċediv.
Għaldaqstant, huwa ġie obbligat li jagħmel 250 siegħa f’servizz fil-komunità.
Din id-deċiżjoni tal-Qorti ġiet appellata mill-Avukat Ġenerali wara li, skontu, kienet ħanina wisq miegħu u fakkret kif l-istess Qorti kienet qed tikkunsidra li ma tirrevokax il-liċenzja tal-akkużat.
Il-Qorti Kriminali tal-Appell innotat kif kien biss wara li l-Prosekuzzjoni rtirat l-akkuża ta’ riċediviżmu li l-akkużat ammetta l-akkużi. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo nnotat ukoll kif din l-akkuża ma ġiet provata.
Wara li l-partijiet laħqu ftehim bejniethom, il-Qorti tat il-libertà kundizzjonata għal tliet snin lil Attard u ordnatlu jħallas ftit aktar minn €1,500 fi spejjeż tal-Qorti fi żmien xahar.