Numru ta’ studenti Maltin rebħu kompetizzjoni internazzjonali tar-robotika li saret f’Ruma.
L-istudenti li jattendu s-Savio College, ipparteċipaw permezz ta’ żewġ timijiet, bl-isem ta’ George u Roberto, b’tim rebaħ il-kompetizzjoni u l-ieħor ikklassifika fil-ħames post.
Fil-kompetizzjoni, ‘Rome Cup’, ipparteċipaw għoxrin kompetitur.
Kull tim kellu jarma robot li jaħdem b’sistema li jsegwi linja sewda, jiġbor xi oġġetti u jevita l-ostakli matul it-triq.
Wieħed mill-istudenti tal-għaxar sena li ħa sehem fil-kompetizzjoni, Matthias Pullicino, stqarr magħna kif jaħdem ir-robot sabiex jimxi mal-korsa li jkollu quddiemu.
Qal, “Ir-robot kellu l-colour sensors isfel biex jagħraf il-linja li kienet sewda u l-blalen li kienu silver. Ġo din il-kompetizzjoni kellna wkoll kuluri differenti ta’ strixxi, ħomor, silver kif ukoll suwed. Il-ħamra kienet tfisser li r-robot irid jieqaf, lesta l-proġett. Is-silver kienet tfisser li trid tinżel l-arm li għamilna bit-3D printer biex jaqbad il-blalen u l-iswed biex isegwi l-linja.”
Matteo Cassar Darmanin, student ieħor tal-għaxar sena, spjegalna kif inbnew ir-robots.
Spjega, “Użajna 3D printer u bħala plastik użajna l-PLA. Biex niddisnjawh kellna l-prototypes u kejjilniehom bil-caliper. Imbagħad iddisinjajniehom b’CAD application li għamilniehom export biex ipprintjahom it-3D printer.”
Charles Axisa, l-għalliem li ħa ħsieb dan il-proġett innota kif l-istudenti Maltin kienu fost l-iżgħar li kkompetew.
Is-Sur Axisa spjegalna kif il-preparamenti ilhom li bdew minn Settembru, b’xogħol strutturali fuq ir-robots mid-disinn sal-ipprintjar.
Kien hemm ukoll xogħol kbir fejn jidħol l-ipprogrammar minħabba li r-robots iridu jagħrfu l-korsa li jkunu għaddejjin minnha permezz ta’ sensors.
Qal, “Imma l-programming huwa biċċa xogħol kbira. Fil-fatt għaddejjna l-aħħar xahar bil-vaganzi tal-Għid b’kollox, niltaqgħu prattikament kuljum bis-Sibtijiet b’kollox b’ħafna sigħat wara l-ħin biex tlaħħaq.”
Ir-robotika hija mgħallma bħala suġġett applikat u kif jintemm il-kors fl-iskola sekondarja, l-istudenti jkollhom ċertifikat rikonoxxut mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija li bih ikunu jistgħu jimirħu fis-suġġett.